Kultura, poter u libertà

L-iżviluppaturi u l-esplojtaturi ħonqu lil Malta b’torrijiet-monstri forma ta’ kaxxi bla gost ta’ xejn

Ġew f’idejja l-Atti ta’ konvenju Nazzjonali tas-Sindakat Liberu tal-awturi Taljani fl-1979 f’Ruma. Kienu ħadu sehem 31 awtur, tlieta minnhom nisa. Essenzjalment kien espost l-argument li l-kawża tal-valuri morali, li tagħha l-kultura hi portatriċi, qatt m’għandha tkun sottoposta għall-interessi tal-poter politiku.

Waħda mill-preżentazzjonijiet l-aktar interessanti kienet dik li ppreżenta Domenico Volpi f’isem il-Gruppo di Servizio per la Letteratura Giovanile (AGSLG). Kien suġġerit li fl-iskejjel ikunu introdotti serje ta’ inkontri mal-awturi fejn jieħdu sehem mhux biss l-istudenti, imma anki l-għalliema, il-ġenituri, il-kritiċi tal-letteratura u l-librara lokali.

F’sena waħda biss, din l-esperjenza laħqet 10,000 student/a f’diversi lokalitajiet fl-Italja. Il-ktieb ħa spinta enormi ’l quddiem u l-qari ma baqax biss xi ħaġa “episodika.” L-esperjenza tal-ktieb ma baqgħetx waħda formali iżda l-animazzjoni wasslet lill-awturi biex jagħtu tifsira ġdida lill-idea tal-“pont letterarju”, b’lingwaġġ u kontenut validu, għaż-żgħar, għall-kbar u għall-anzjani.

Mhux diffiċli li Malta tinvesti f’esperjenza kulturali bħal din. Teħtieġ, madankollu, fidi u rieda tajba. Il-qari m’hemmx għalfejn imut, lanqas fl-epoka elettronika.

Pilotaġġ kontra l-korruzzjoni

Fil-ftuħ tal-Assemblea tal-Isqfijiet Taljani f’Ruma f’Ġunju, il-Papa Bergoglio reġa’ kkundanna l-pjaga tal-korruzzjoni u ħeġġeġ biex l-isqfijiet jagħmlu l-istess. Ħeġġeġ biex ikunu sensibbli għall-immoralità tal-poter f’idejn il-politiċi u dawk qrib tagħhom.

Bħalissa, fil-perċezzjoni taċ-ċittadini komuni, Malta qed tegħreq fil-korruzzjoni. Il-klassi politika tinsab magħluqa fit-torrijiet rispettivi tal-battalja bi-partitika.

Ħalli ma ninħbewx wara subgħajna: Malta għandha l-mafja tagħha u teħtieġ il-piloti morali biex jerfgħu l-pajjiż mill-korruzzjoni, mis-sintomi tal-imgħoddi u tal-lum.

Imma l-appell tal-Papa Arġentin biex l-Isqfijiet jikkundannaw il-korruzzjoni, għal Malta ma tgħoddx: għall-Arċisqof Charles Scicluna qisu mhu qed jiġri xejn. L-unika ħaġa li qal hi li m’għandux isir stupru tal-art fil-ponta taż-Żonqor. Imma nesa jsemmi n-narrattiva kollha dwar kemm saru sfreġji fil-passat. L-Arċisqof ta’ Malta żgur mhux il-vescovo pilota. Minflok joħroġ jgħajjat kontra l-korruzzjoni, jippreferi joqgħod jiekol bil-kwiet kollu t-torti li tagħmillu ommu.

Mhux l-ODZ biss

Hemm overkill fil-media dwar l-ODZ. Hemm sfigurament fil-kampanja imma hemm dak ukoll li ħadd mhu jsemmi. L-iżviluppaturi u l-esplojtaturi ħonqu lil Malta b’torrijiet-monstri forma ta’ kaxxi bla gost ta’ xejn, basta jagħmlu investimenti finanzjarji enormi u bla rażan. Gżira tal-kruhat. Ma jistgħux jaraw dar qadima f’inħawi bħal Tas-Sliema li ma jdaħħlux il-gafef u l-bawsers tal-konkrit.

Malta nbidlet f’ġungla tal-konkos u l-planki bil-barka tal-MEPA. It-triqat fgati bir-riħa tal-fjuwil. Ipprova asal minn Tas-Sliema sal-Gżira. Għandek tal-inqas nofs siegħa. Tilħaq tasal Sqallija. Il-ħmieġ u t-tniġġis mill-ekżost jifgak. Ipprova għaddi minn Rue d’Argens jew Triq tas-Sliema.

Imma għid lill-Front ODZ iħallu l-karozzi privati tagħhom warajhom u jużaw tal-linja u tara xi jkun ir-riżultat.

Il-missjoni u l-banalita'

Il-Maltin u l-Għawdxin reġgħu wrew il-ġenerożità tagħhom meta nġabru eluf ta’ flus biex jinxtraw jerry cans speċjali u ġeneraturi għall-iskejjel tal-missjoni mmexxijin mis-sorijiet Maltin. Is-solidarjetà ntweriet ukoll permezz ta’ xandir koordinat bejn it-tliet stazzjonijiet ewlenin.

Iżda żgur li l-ġbir ta’ flus mit-telefonati ma kellux jispiċċa f’“konkors” bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana ta’ Malta. L-entużjażmu tal-preżentatur Joseph Chetcuti spiċċa biex ibbanalizza x-xandira li suppost kellha tqanqal il-kompassjoni tat-telespettaturi, mhux tiċċajta bl-ammonti ta’ flus li bdew jagħtu dawk tal-Kottonera u dawk tal-Mosta.

Għaliex f’kollox għandu jintilef is-sens ta’ dinjità għall-popoliżmu? Xi ħaġa hekk żgur mhux se taraha fil-maratoni tar-RAI.

More in Blogs