L-Ekonomija u l-ekonomija

Il-fehma tal-ILLUM

 

Huwa fatt li l-ekonomija ta’ pajjiżna sejra tajjeb, jekk ma nażżardawx ngħidu tajjeb ħafna wkoll. Is-settur turistiku għaddej minn perjodu b’saħħtu ħafna bil-probabiltà li din is-sena jerġa jinkiser ir-rekord tas-sena l-oħra u kull rekord fl-istorja riċenti, il-qgħad qiegħed fl-inqas livelli tiegħu u ilu nieżel xahar fuq xahar, it-tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross kiser l-aspettativi tal-Gvern stess u n-negozju, b’mod ġenerali, qabad rittmu b’saħħtu.

Żid ma’ dan hemm il-fatt li f’dawn is-sentejn bdew ikunu iffaċċjati problemi illi kieku tħallew jikbru naqra iktar kienu jisplodu f’wiċċ il-pajjiż u jħallu lill-poplu u l-ekonomija Maltija għarkopptejha. Mhux ċajta li l-Enemalta waħidha tħalliet takkumula dejn ta’ madwar €800 miljun. Xi ħadd kien ikollu jagħmel tajjeb għal dawn il-flejjes kbar kieku bqajna ċassi, ngħattu problema ta’ dan id-daqs taħt tapit mnitten bi trab.

Hija rixa f’kappell dan il-Gvern li l-ekonomija ssaħħet u li llum Malta tinsab fuq quddiem fost il-membri tal-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija. Hija rixa fil-kappell tiegħu l-fatt li, kuntrarju għall-perċezzjoni ta’ ħafna qabel l-aħħar elezzjoni, dawn is-sentejn wrew illi l-idea li Gvern Nazzjonalista biss kapaċi jkun “il-par idejn sodi fit-tmun” mhi xejn ħlief ħrafa. U fl-aħħar nett hija rixa kbira fil-kappell ta’ dan il-Gvern li wieħed minn kull erbgħa ta’ dawk li sa sentejn ilu kienu qed iċapċpu lil Simon Busuttil meta dan kien qed jara bailouts u direzzjoni “għal ġol ħajt” f’każ ta’ rebħa Laburista, illum jammettu li l-politika ekonomika tal-Gvern qed tħalli l-frott.

Jiġifieri min irid ikun onest ikollu jammetti li b’Muscat fit-tmun, dan il-pajjiż mhux talli baqa’ għaddej, talli għaddej aħjar.

Imma, u l-imma hija importanti daqs kull statistika u ċifra pożittiva li rajna f’dawn l-aħħar xhur, il-Gvern irid joqgħod attent id-doppju li ma jagħmilx l-iżball, kif xi kultant jidher li qed jagħmel, illi fil-ferneżija u arja “ottimista” ta’ ċifri tajbin jinsa li wara dawk in-numri hemm mijiet, jekk mhux eluf ta’ nies li la qed iħossu t-tkabbir fil-PDG u lanqas l-ottimiżmu li l-istess Muscat iħobb jitkellem dwaru.

Għax x’jiswa li entità, negozju jew kumpanija toħroġ tiftaħar bil-profitti kbar li qed tagħmel u ġġib lill-Prim Ministru biex jiċċelebra u jċekċek it-tazzi tas-suċċess jekk il-ħaddiema tal-istess negozju jew kumpanija biċ-ċiċri kienu jitħallsu u biċ-ċiċri baqgħu jitħallsu? Kulħadd jieħu pjaċir li l-lukanda jew negozju jew stabbiliment fejn jaħdmu jagħmel miljuni fi profitti u jsiru wegħdiet ta investimenti grandjużi, imma allura dak il-ħaddiem li ta’ kuljum ta’ servizz biex dawk il-profitti kienu massimizzati, dan ma jmissu qatt parti minn dan il-profit? Issa dan x’jimpurtah mill-Prodott Domestiku Gross, jekk m’għandux biżżejjed biex jgħaddi sal-aħħar tax-xahar.

Nistiednu lill-Gvern Laburista, biex jiftakar li minkejja li huwa moviment u li kien dan il-moviment li tah rebħa storika, jibqa’ l-fatt li dak il-moviment illum ma jkunx jeżisti kieku mhux għax hemm il-bażi, u l-bażi tal-Partit Laburista kienet, għadha u tibqa’ l-ħaddiem.  

Muscat għandu r-riħ fil-poppa ta’ ekonomija li kompliet tikber u tistagħna grazzi għal ħafna fatturi, mhux l-anqas l-għaqal tal-Gvern li jmexxi hu. Ikun propizju u għaqli għalhekk li fl-aħħar tliet snin ta’ din  il-leġislatura Muscat jara li s-suċċess jinżel sas-saffi kollha tas-soċjetà, sabiex kulħadd iħoss li huwa parti minn dan is-suċċess, sabiex kulħadd iħoss li Malta tagħna lkoll. 

More in Blogs