L-istupru ta' art verġni

Fl-epoka digitali kif qed nikkomunikaw ma’ xulxin?
Fl-epoka digitali kif qed nikkomunikaw ma’ xulxin?

Qamu l-irwiefen kollha dwar il-proposta ta’ Università fuq l-art f’Taż-Żonqor.  L-Oppożizzjoni, dejjem lesta biex tieħu l-akbar vantaġġ mill-kontroversja, qed timbotta biex il-kwistjoni kollha tal-grupp Sadeen, kumpanija tal-kostruzzjoni mill-Ġordan li milli jidher m’għandhiex kredenzjali akkademici, toħodha f’idejha s-socjetà ċivili. Anzi l-PN qed jgħid li hu l-uniku partit politiku li qed jiddefendi kontra l-istupru tal-art taż-Żonqor. Ma nafx li hemm xi partit politiku ieħor li jista’ jagħmel dan, ladarba l-PN lanqas biss iqis lill-Alternattiva Demokratika bħala partit.

B’dawn il-lobby groups kollha skjerati fuq in-naħa tal-PN, hu difficli tifhem għaliex ma jorganizzawx ruħhom f’partit, strutturat u organizzat formalment. Jemmnu jew ma jemmnux fil-potenzjal politiku tagħhom?  Kif tista’ tagħtihom kreditu meta jaraw l-affarijiet minn lenti mijopika?  Dan il-partit jista’ jibda jissejjaħ “Il-Partit tal-Verġni”, iżda qabelxejn irid jinsa l-isfreġji kollha li wettqu n-Nazzjonalisti f’25 sena ta’ gvern.  Bejn 1-1987 u l-2002, ibda biex, Malta tilfet 15% tal-art ODZ taħt il-PN, ekwivalenti għal 1,200 ettari.  Imbagħad kien hemm 300 ettari oħra ODZ li ngħataw bħala permessi, jigifieri fil-ħakma taż-żewg partiti “din l-art helwa” qed tkun stuprata dejjem aktar.  

Il-kelma “stuprata” ġiet f’mument ħazin. L-Arcisqof Scicluna, li jagħmel mill-aħjar biex jiddeffes f’ritratt jew ieħor, f’messagg bi Twitter uża l-kelma “stupru” li uża l-mexxej tal-PN.

Mons Bubbly Charles qal li l-Knisja veru li għandha pjanijiet biex tiżviluppa Dawret Ħal Għaxaq għal żewġ skejjel: St Albert the Great u skola oħra għas-sorijiet tas-Sacred Heart.  Bejniethom, dawn iż-żewġ proġetti se jieħdu mat-78,000 metru kwadru ta’ art.  L-Arcisqof qal li hemm kuntrast qawwi bejn il-proġetti tal-Knisja u dawk taż-Żonqor (99,000 metru kwadru). L-art pristina għall-kulleġġi tal-knisja għandha l-istess valur agrikolu/ambjentali daqs dik tal-Ponta taż-Żonqor.  Jekk irid jitwemmen Mons. Bubbly Charlie għandu jgħid kollox quddiem Alla tiegħu. Jew ma jkomplix jitfa’ l-ħatab fin-nar.

Argument ieħor tiegħu hu li l-proġett tal-Knisja hu esklussivament għal skopijiet edukattivi, filwaqt li dak tal-investutur Ġordaniz għandu interessi privati u kummerċjali. Din ipokresija - għax kull fejn ittieħdet art verġni “tal-Knisja” dawk li bbenefikaw kienu spekulaturi joperaw f’isem l-edukazzjoni, b’uliedhom fuq quddiem bħala studenti preferuti.

Hemm preċedenti oħhra li gvern tal-PN akkwista għall-proġetti pubbliċi: estensjonijiet vasti għall-università tal-Imsida, l-isptar Mater Dei, il-Power Station ta’ Delimara, Smart City, il-Magħtab, fost oħrajn.

L-art li hi komodità prezzjuża għall-partijiet kollha. Imma l-poplu ma jistax jibqa’ belhani u jibla’ l-lixka kollha tal-partiti u tal-Knisja, li baqgħet tgawdi poter inkredibbli.

Inċidentalment, kontra t-300 ettaru li ttieħdu mill-PN mill-1995 ’l hawn għall-permessi, l-hekk imsejħa “Università f’Taż-Żonqor” se tieħu 9 ettari. Ta’ min ifakkar li fl-2002 f’Wied iż-Żonqor il-PN kien ippropona miżbla, kif ukoll impjant tar-reverse osmosis.  

Skont Carmel Cacopardo, kieku l-PN kien welled MEPA li jixirqilha isimha u kredibbli, m’aħniex qegħdin fis-sitwazzjoni tal-lum.

Il-poplu jrid jara kif se tispiċċa din il-logħba ġdida li tkaxkret fl-arena politika, bil-Knisja tidher li dieħla kompliċi man-naħa tradizzjonalment favorita tagħha.

It-teknoloġija u l-industrija tal-ispin

Fis-sena 2000 bħala delegat mill-Policy Unit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura kont attendejt sessjoni Plenarja tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu.  Niftakar li kont ressaqt proposta biex tkun diskussa d-digital divide.  Kont issekondat fil-pront mir-rappreżentant/ osservatur tal-Kanada li qal li hu sorpriz li gżira zgħira bħal Malta digà kienet qed tantiċipa l-implikazzjonijiet soċjali u kulturali tal-internet.

F’nofs ix-xahar li għadda, f’Mejju, tfakkar il-Jum Dinji tat-Telekomunikazzjoni. Kif mistenni, l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) ħarġet tippubbliċizza l-avvanzi li saru f’Malta fil-kamp digitali, mill-Community Training Learning Centres (CTLC) sa servizzi mediċi; mill-BSmart Online! sas-servizzi għaż-żgħazagħ.

Imma ma ssemma’ xejn dwar “in-naħa skura” tal-avvanz tal-informatika. Per ezempju, rapport tal-istess MCA żvela li 71% tat-tfal Maltin jużaw iċ-ċellulari, imma 58% biss tal-ġenituri jafu b’dan.

Aspett ieħor negattiv qanqlu l-lekċerer ewlieni għall-Istudji tal-Komunikazzjoni ir-Rev. Joe Borg li wera kif it-teknologija qed tqis lin-nies bħala konsumaturi minflok ċittadini u li qed nitilfu l-ħila li nikkomunikaw direttament.

Father Borg osserva, fl-aħħarnett, li nħolqot “industrija tal-ispin” li saret għadu tal-komunikazzjoni awtentika.

More in Blogs