Omoġenjetà - fejn kollox u kullimkien jispiċċa l-istess
B’differenza minn dak li jiġri s-soltu fuq xi battibekk dwar l-ambjent jidher li din tal-Università taż-Żonqor mhix biss biċċa aħbar biex jimtlew l-aħbarijiet – kif forsi ftit jew wisq kienu jitqiesu dawn it-tip ta’ aħbarijiet fil-passat. Imxejna ftit jekk niftakru li aħna l-istess pajjiż li dam aktar minn 20 sena jaħsibha biex jagħlaq power station li mhux talli qatlet l-ambjent, imma wkoll il-pulmuni ta’ bosta fil-madwar.
Qiegħed jingħad li dan l-investiment ħa jġib investiment qawwi fin-Nofsinhar ta’ Malta – kważi aktar minn dak li ġab proġett bħalma kien SmartCity, li llum l-ġurnata magħrufa aktar bħala post fejn tmur tieħu tazza nbid jew pizza – li ma tridx tkun wisq smart biex tagħmilha. L-għan oriġinali ta’ dan l-investiment forsi ntilef xi ftit jew wisq. U dan l-istess bi proġetti oħra fin-Nofsinhar ta’ Malta – fosthom ir-restawr tax-xatt tal-Kottonera li minkejja li ntqal li ħa jġib investiment qawwi, nies tal-lokal stess jgħidu kif il-frott tiegħu ma jidher imkien. Ovvjament, il-kuntratturi u l-irjus kbar il-frott jarawh jissarraf fi flus u voti, iżda dak li kien hemm taħt, baqa’ hemm taħt.
Għax iż-żoni li għandhom “nuqqasijiet” soċjali, mhux biss fin-Nofsinhar ta’ Malta, imma ma’ Malta kollha, mhux il-bini ta’ bini għoli għandu bżonn, biex donnu jinħbew dawn il-problemi fid-dell tiegħu – imma li l-problemi jiġu indirizzati mill-għeruq tagħhom. Inutli jinbnew l-isbaħ lukandi u universitajiet jekk l-udjenza li hija mmirata għalihom ma tersaqx ’l hemm minħabba li ma tħosshiex komda. Ngħiduha kif inhi, liema student universitarju, li suppost ħa jkun hemm 4,000 minnhom f’din l-università, ħa jagħżel li joqgħod viċin tal-Università stess meta hawn Malta ma tagħmilx aktar minn sagħtejn biex taqsam minn naħa għall-oħra tal-pajjiż? Diġà huwa fenomenu fost student aktar sta bene li jiġu jistudjaw fl-Università ta’ Malta – hekk kif kważi l-ebda minnhom ma jagħżlu li joqgħodu xi tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-Università meta jista’ jasal hemm bil-karozza, imma fl-istess waqt joqgħod f’żona ta’ Malta aktar ċentrali. Inutli ngħidu li dan ħa jmorru minn fuq ir-ristoranti taż-żona, għaliex ma tridx tkun għaref wisq biex tinduna li università hekk ħa tattira studenti aktar sinjuri – studenti li meta diġà jiġu Malta biex jistudjaw fl-Università ta’ Malta jżuru dejjem l-istess ristoranti, ristoranti li jistgħu jitqiesu ta’ aktar prestiġju sempliċiment għax aktar għoljin.
Din mhix xi ħaġa tipika tan-Nofsinhar ta’ Malta – magħruf aktar għall-ġenwinità tal-ikel u tal-prezzijiet b’bosta mir-ristoranti jkunu negozji tal-familja. In-Nofsinhar ta’ Malta jista’ joffri affarijiet li żoni aktar ċentrali ma jistawx, liema karatteristiċi uniċi m’għandhomx jiġu ssaggrifikati f’isem l-investiment. Bil-mod il-mod ħa jwassal biex pajjiż li diġà jbati minħabba kemm hu ċkejken, ħa jibda’ jbagħti wkoll minn omoġenjetà – fejn kollox l-istess kullimkien, b’telfien mhux biss ta’ żoni ODZ bħalma qed jiġri f’dan il-każ, imma wkoll ta’ dak li xi darba kien jagħmel kull raħal u villaġġ uniku.
L-investiment bla ebda dubbju ta’ xejn huwa xi ħaġa tajba – iżda dejjem jekk isir id f’id ma’ investiment fil-madwar tiegħu – investiment soċjali u edukattiv. Ma jistax isir aktar sgombru ta’ nies tal-lokal sempliċiment għax ma jibqgħux jifilħu jħallsu għall-kirja u l-livell ta’ għixien, kollu fl-isem tal-investiment. Inutli nibqgħu nagħtu kisja żebgħa biex ngħattu u biex nidhru li qed nagħmlu xi ħaġa, jekk hemm bżonn li ssir xkatlatura tajba mill-qiegħ.
Daqstant huwa inutli li nofs l-elettorat semma’ leħnu dwar kemm irid jipproteġi l-ambjent, jekk qed isib awtoritajiet li l-ambjent jipproteġuh biss meta bl-istess umbrella jkunu qed jipproteġu l-voti. L-ambjent ma jistax jibqa’ biss kliem fieragħ għax ħa naslu fi stat li fih il-Maltin flok jitilgħu Londra biex jagħmlu xirja ħwejjeġ għal sena, jew l-Italja jieklu biżżejjed għal sena, ħa jibdew isifru biex forsi b’xi mod, jaraw kif jagħmlu u jieħdu ftit arja friska għal sena wkoll.