Teatru wara l-iżbarri

Teatru fil-ħabs: prospetti soċjo-morali
Teatru fil-ħabs: prospetti soċjo-morali

Meander (NET-TV), ipprezentat minn Mariella Pisani Benċini, daħal bil-kameras fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex ikisser il-fruntiera bejn ir-residenti ta’ ġewwa u s-soċjetà ta’ barra.

Fl-2014, ir-residenti ppreżentaw Ċenaklu għall-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira.  Għal din is-sena marru aktar minn hekk, u b’kitba u direzzjoni ta’ Patri Franco, il-kappillan tal-ħabs, ippreżentaw L-Imħabba Tiegħu Biddlitni fil-kappella tal-Faċilità.  Numru ta’ residenti, inkluża mara li mhix residenta u li ħadmet tal-Madalena, daħlu għal impenn insolitu li tahom identità alternattiva billi (a) għenhom jifhmu kif jirrintegraw u (b) jirrelataw aħjar ma’ xulxin.  Dak li ppreżentaw ir-residenti tal-Faċilità Korrettiva kien eżempju effettiv ta’ “tindif” jew purifikazzjoni.

Li jaħdmu flimkien dawn l-emaġinati hu digà att edukattiv fih innifsu u quddiem il-kamera stqarrew kemm iħossuha ta’ sodisfazzjon morali li jidħlu biex jaraw id-dramm tagħhom nies minn barra.

Patri Franco fiehem li l-mottiv soċjo-morali tal-proġett ta’ din is-sena kellu x’jaqsam mal-indiema.  Patri Franco hu l-fundatur tal-Fondazzjoni RISE, li tmexxi din l-inizjattiva teatrali fil-ħabs ta’ Kordin.  B’kollox jieħdu sehem mal-għoxrin persuna, bejn atturi, tekniċi u dawk li jaħdmu l-props.  Hu eżerċizzju li ħa ħafna xogħol biex jitlesta għall-gimgħa tal-Għid (żmien perfett għal wara l-Qawmien ta’ Kristu).  Fil-fatt, id-dramm kien ilu jitħejja minn Frar.

Waħda mit-temi ċentrali ta’ dan ix-xogħol tikkonċerna l-problema li wara li jispiċċaw iż-żmien tal-priġunerija, ir-residenti jsibu ruħhom mitlufin, lampa stampa.  Iridu jsibu x’jagħmlu bihom infushom fis-7 ta’ filgħaxija, meta jiskadilhom il-ħin tas-sentenza.  RISE temmen fil-ħtieġa li meta persuna toħroġ mill-ħabs issib sostenn u solidarjetà soċjali, biex ma tkunx imgiegħla terġa’ lura għall-ħajja ta’ qabel.  Wieħed mill-atturi qal li huma jemmnu li ċ-ċans għar-riforma għandu jibda minn ġewwa l-Faċilità u jkompli “hemm barra”.

Hafna jirritornaw il-habs “għax ma jsibux lil min jilqagħhom hemm barra”.  U jispiċċaw vittmi għat-tieni darba jew aktar.

Meander wera fil-prattika kif il-mezzi tax-xandir lokali jistgħu iwasslu messagg importanti ta’ solidarjetà.  Il-fundatur ta’ RISE għamel riflessjoni serja ħafna dwar l-istat psiko-soċjali tal-priġunieri: “Huma jirrealizzaw li l-ħabs il-kbir mhux hawn qiegħed, imma barra.”

Inċidentalment, għal żmien il-Passjoni, l-Arċisqof il-ġdid kellu l-opportunità li jinza’ l-pompożità tiegħu u jissieħeb mal-priġunieri ta’ Kordin billi jilbes il-fardal ta’ Knisja umli.  Kien ikun qed jimita l-ġest tal-Papa Frangisku li żar ħabs f’Ruma u ħasel, ixxotta u bies saqajn tnax–il resident/a, sitta rġiel u sitta nisa, fosthom ħabsin Musulmani u eks showgirl tat-televiżjoni Sylvie Lumamba (42 sena).  Ta’ karnaġġjon skur, Lumamba kienet anki tidher ta’ spiss f’rivisti taz-zekzik, iżda mbagħad tilfet il-popolarità kollha meta nqabdet fi frodi.

F’Malta, meta se nibdew ningħataw xi sinjal ta’ riforma u riġenerazzjoni mill-Arċisqof il-ġdid?  Jew għadu mgħakkes bil-protokol minkejja li jrid jimpressjona mod ieħor?

Il-proġett tar-residenti tal-ħabs hu wieħed ta’ kreazzjoni kollettiva multilaterali.  Proġetti bħal dan jistgħu jintużaw biex iħajru aktar priġunieri jidħlu għal metodi differenti ta’ tagħlim.  Dan l-aħħar sar magħruf li huma biss terz mir-residenti li jagħzlu li jsegwu xi forma ta’ tagħlim.  It-teatru hu forma eċċellenti ta’ stimulazzjoni.  Għandu sens qawwi ta’ validità soċjoloġika, ri-integrazzjoni u esplorazzjoni.  Hu ċert li dan it-tip ta’ teatru għandu jibbenefika minn fondi kulturali speċjali minn sorsi differenti, imma l-aktar mill-Kunsill tal-Arti u l-Kultura.  Jekk ikun ikkultivat dan it-tip ta’ teatru alternattiv, forsi nistgħu ngħaddu għall-fazi fejn il-priġunieri jibdew jagħtu l-ispettakli tagħhom fil-beraħ, f’nofs il-komunità.  Hu obbligu tal-entitajiet kulturali statali li jsostnu din it-tip ta’ azzjoni li għandha l-ħila li tittrasforma l-parteċipanti u toħloq “inkjesta” kritika.  Il-kappillan tal-ħabs beda juri l-ewwel passi.  Xi jmiss?

More in Blogs