Riflessjonijiet

Issa li għaddew l-elezzjonijiet lokali u majnat it-tensjoni u l-partiġġjaniżmu li huma karatteristiċi ta’ kull kampanja elettorali, ikun tajjeb li wieħed janalizza b’moħħ miftuħ dak li ġara u jibda jaħseb għal li ġej.

Kuntest 

Biex analiżi tkun serja u komprensiva, wieħed irid l-ewwel ipoġġi dawn l-elezzjonijiet f’kuntest. Meta l-istess elezzjonijiet saru fl-2012, konna biss ftit xhur bogħod mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 – żmien fejn nistgħu ngħidu li fil-pajjiż kienet bdiet il-kampanja elettorali mhux uffiċjalment, kif ukoll f’perjodu meta l-gvern Nazzjonalista kien qisu ras maqtugħa jzappap sabiex jasal sal-aħħar tal-legiżlatura u l-popolarità tiegħu kienet fl-iktar livell baxx.

Din id-darba l-elezzjonijiet saru sentejn wara rebħa enormi tal-Partit Laburista fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.  Għalkemm hemm minn jgħid li għadu kmieni wisq biex jingħata ġudizzju dwar l-operat tal-Gvern, wieħed ma jistax jinnega li ċertu setturi u oqsma għamlu avvanzi kbar filwaqt li oħrajn waqgħu lura. Il-maġġoranza kbira li jgawdi l-Gvern fil-kamra tar-rappreżentanti, id-distakk li jidher li għadu jeżisti bejn iż-żewġ partiti ewlenin u l-fatt li fadal madwar tliet snin sal-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, żgur li wassal biex numru ta’ nies ma kinux interessati f’dawn l-elezzjonijiet (forsi għax ma jemmnux fil-Kunsilli Lokali) jew inkella użaw il-vot sabiex iwasslu messaġġ.

Qed ngħid hekk mhux biss għaliex hemm minn kibritlu rasu (mhux biss fost id-Deputati kif forsi jaħsbu ħafna), iżda anki għaliex f’lokalitajiet partikolari kien hemm minn ivvota b’ċertu mod jew saħansitra ma vvutax għaliex iħoss li deputat mid-distrett qed jirsisti iktar għal lokalità oħra minflok il-lokalità tiegħu.

Wieħed lanqas irid jinsa li f’elezzjonijiet simili u b’mod speċjali fl-irħula ż-żgħar, ħafna jivvutaw għal persuna mil-lokal anki jekk tkun qed tikkontesta ma’ partit ieħor jew bħala indipendenti. Għalhekk, f’dawn l-elezzjonijiet hemm ħafna iktar probabbiltà ta’ voti personali li jistgħu b’xi mod jimpinġu fuq ir-riżultat finali.

B’hekk għalkemm dawn kienu elezzjonijiet lokali, tajjeb jew ħażin, dawn il-fatturi kollha (u minn jaf kemm iktar) affettwaw in-numru ta’ nies li vvutaw u kif ivvutaw, ma vvutawx jew ħassru l-vot.

Partiġġjaniżmu a skapitu ta’ realtà

Matul il-kampanja ftit li xejn smajna jew kien hemm diskors dwar kif, issa wara iktar minn għoxrin sena mit-twaqqif tal-kunsilli lokali, nistgħu nsaħħu l-operat tagħhom sabiex isiru iktar proattivi, trasparenti, kontabbli u fuq kollox ikunu ta’ ġid għar-residenti u l-komunità tagħhom.  B’mod sfortunat, il-ftit li ntqal fuq l-operat tal-kunsilli ffoka biss fuq kemm saru jew ma sarux toroq u bankini f’ċertu lokalitajiet fejn il-maġġoranza kienet għadha fil-bilanċ.

Inħoss li ż-żewġ partiti ewlenin daħlu għal din il-kampanja bil-ħsieb li jiffukaw fuq l-aspett nazzjonali iktar minn dak lokali, bil-Gvern ifakkar dak li għamel fl-ewwel sentejn tiegħu u l-Oppożizzjoni tisħaq primarjament fuq in-nuqqas ta’ trasparenza u governanza tajba fl-amministrazzjoni.  Nemmen li din l-istrateġija iktar kienet taqbel għall-Gvern għaliex filwaqt li ffoka fuq u enfasizza l-bosta inizjattivi u proġetti li qed iwettaq, seta’ jpoġġi fil-ġenb l-operat fqir tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali.

Min-naħa l-oħra, rajt lill-Partit Nazzjonalista jipprova jbiddel l-istrateġija tiegħu lejn l-aħħar tal-kampanja (nassumi wara li kkunsidraw is-sondaġġi) fejn beda jipprova jiffoka aktar fuq l-aspett lokali.  Madankollu, għadni nħoss li l-PN mhuwiex daqstant komdu meta jitkellem fuq il-kunsilli.  Nasal natribwixxi din l-iskumdità għal diversi fatturi, fosthom li fl-aħħar legiżlatura, r-responsabbiltà tal-kunsilli għaddiet minn taħt tliet membri tal-Kabinett differenti bl-importanza li ngħataw dejjem tonqos iktar; l-iżmantellar u l-konfużjoni organizzata ġewwa d-Dipartiment tal-Gvern Lokali permezz ta’ ħatriet partiġġjani, żgur mhux frott il-meritokrazija jew il-kompetenza; kif ukoll il-bosta każijiet li faqqgħu l-iktar f’kunsilli bi tmexxija Nazzjonalista u kawżi oħrajn li għadhom qed jinstemgħu fil-Qorti.

Mezzi alternattivi ta’ dħul

Il-kunsilli għandhom bżonn ikunu innovattivi u jiġu mgħejuna sabiex ikunu jistgħu jikkreaw dħul finanzjarju ieħor għalihom u ma jibqgħux dipendenti fuq l-allokazzjoni finanzjarja ta’ kull sena mill-Gvern Ċentrali. Dan tal-aħħar irid jara li, kemm jista’ jkun, jimxi bl-istess kejl mal-lokalitajiet kollha u jiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni jew favoritiżmu.

Għandhom jiġu studjati bir-reqqa u diskussi b’mod matur diversi ideat kif dan jista’ jsir mingħajr ebda żieda fit-taxxi bħal, per eżempju, li:

a)    Parti mill-miżata tal-liċenżji tal-karozzi jibdew jgħaddu għand il-kunsilli.  Dan ikun ġust ladarba l-kunsilli huma responsabbli mit-toroq residenzjali.

b)    Parti mill-VAT iġġenerat ġewwa l-lokal jibda jgħaddi għand il-kunsilli.  Dan jinċentiva lill-kunsilli sabiex jaraw li mhux biss it-taxxa dovuta qiedgħa tinġabar iżda, iktar minn hekk, jagħti inċentiv biex tiġi kkreata u titkattar l-attività kummerċjali.

c)    Parti mil-liċenżji tal-ħwienet fil-lokal jgħaddi għand il-kunsill.  Wara kollox, dawn il-ħwienet u l-klijenti tagħhom jagħmlu użu mill-infrastruttura tal-lokal sabiex, skont il-każ jipprovdu jew jużaw is-servizz.

Wieħed irid jiftakar u jifhem li dak li qed jiġi propost li jibda jgħaddi għand il-kunsilli bħalissa qed imur għand il-Gvern Ċentrali u l-awtoritajiet tiegħu.  Naturalment ħadd ma jieħu gost iċedi ammont ta’ flus.  Li hu żgur huwa li s-sitwazzjoni prezenti m’hijiex waħda sostenibbli u vijabbli.

Għalhekk, it-tlett partiti politiċi flimkien mal-partijiet interessati li huma involuti u li jaħdmu fil-qasam tal-kunsilli ta’ kuljum, għandhom bżonn jkun ipoġġu madwar mejda malajr kemm jista’ u b’mod serju, miftuħ u sinċier lil ’hinn mill-politika partiġġjana jiddiskutu l-futur tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna u l-irwol li rriduhom jokkupaw fis-soċjetà tagħna.

Ir-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet ikkonfermaw li l-proċess ta’ tiġdid fost is-sindki u l-kunsilliera li jmexxu l-lokalitajiet tagħna qiegħed iseħħ b’rata pjuttost b’saħħitha u b’mod naturali permezz tal-għażliet li jagħmlu r-residenti. Issa hemm bżonn li jkun hemm proċess ta’ tiġdid fl-operat, fil-funzjonijiet u fil-finanzjament tal-kunsilli lokali. Dan il-proċess huwa wieħed importanti ħafna u hemm bżonn li jinbeda llum qabel għada.

Dr Marc Sant hu Avukat u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

More in Blogs