L-unità

“Minn dak il-mument ‘l hemm waqgħu l-maskri kollha, il-karnival spiċċa, u dħalna f’burdata postgost bħal dik ta’ Alberto Sordi l-għada tal-Mardi Gras fil-film I Vitelloni”
“Minn dak il-mument ‘l hemm waqgħu l-maskri kollha, il-karnival spiċċa, u dħalna f’burdata postgost bħal dik ta’ Alberto Sordi l-għada tal-Mardi Gras fil-film I Vitelloni”

Xi dwejjaq! Il-perjodu ta’ għaqda bejn iż-żewġ fazzjonijiet li jiffurmaw il-poplu Malti, l-għaqda li f’dawn l-aħħar jiem kienet qiegħda tissejjaħ ‘unità’, ma damitx aktar minn ftit sigħat. Litteralment ftit sigħat. 

Biex inkun onest ma kontx sorpriż għalkemm l-illużjoni ta’ din l-għaqda xtaqt li kellha ħajja ftit itwal, imqar biex il-festi tal-ħamsin anniversarju tal-Indipendenza jkunu ftit inqas redikoli milli kienu. Veru, segwejthom mill-bogħod permezz tal-mezzi tax-xandir online u allura ma stajtx inħoss dawk l-emozzjonijiet qawwija ta’ fraternità, ta’ għaqda patrijottika, ta’ ottimiżmu għal futur sabiħ mibni fuq l-għaqda u l-prosperità. Imma minn dawk li rajt stajt nikkonkludi li dawn il-festi kienu travestija sħiħa ta’ pajjiż modern indipendenti jsellem lilu nnifsu għall-kisbiet li għamel ħamsin sena ilu.

Minn dan il-bogħod stajt nara li, bażikament, kienet festa li xeħtet ir-rifletturi fuq il-familja rjali Britannika li kienet għadha qiegħda tieħu nifs qawwi wara l-ieħor wara d-diksata li ħadet mir-referendum Skoċċiż. L-ewwel ir-reġina, imbagħad Kate, imbagħad Kate ħarġet tqila, allura żewġha, saħansitra ssemma ħatinha, imbagħad fl-aħħar ġie żewġha u seraq ix-xena kollha li suppost konna qegħdin nippreparaw għall-poplu Malti. Minn fejn qiegħed stajt insegwi biss il-wasla tal-prinċep, il-laqgħa tal-prinċep mal-Prim Ministru, martu u wliedu fuq it-taraġ ta’ Kastilja, il-prinċep jilgħab il-playstation, il-prinċep jittawwal mill-Barrakka ta’ Fuq, il-prinċep dik u l-prinċep l-oħra. L-unika ħaġa Maltija li rajt kienet kantanti fuq palk ikantaw kanzunetti ta’ gruppi rock li, milli qaluli, huma għal qalb ħafna xi ħadd li qed imexxi l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali. Iva, smajt ukoll il-kanzunetta Xemx Wisq Sabiħa titkanta fid-dlam ċappa tal-lejla maġika fuq il-Port il-Kbir.

Sa ftit sigħat wara din is-sensiela farseska tfaqqa’ l-bomba: Simon Busuttil jipproponi dak li l-partit u l-partitarji tiegħu ilhom jisħqu dwaru għomor, li Jum l-Indipendenza għandu jkun il-Jum Nazzjonali, l-uniku jum nazzjonali. Minn dak il-mument ʼl hemm waqgħu l-maskri kollha, il-karnival spiċċa, u dħalna f’burdata postgost bħal dik ta’ Alberto Sordi l-għada tal-Mardi Gras fil-film I Vitelloni.

Aktarx li kienu l-kaċċaturi li, bl-akbar attenzjoni u delikatezza, poġġew iċ-ċirasa ħamra ħamra fuq il-kejk taċ-ċelebrazzjoni. Għalija kien interessanti ħafna li l-messaġġi li għaddew waqt il-marċ spontanju fi Triq ir-Repubblika ma kellhom x’jaqsmu xejn mad-delizzju tagħhom iżda mal-politika. Il-kant ta’ ‘Joseph Muscat Pulċinell’ propju quddiem il-Palazz u offiżi bi kliem baxx ħafna lill-partit fil-gvern proprju quddiem il-każin Laburista tal-Belt juru kemm għadna lura milli verament inkunu indipendenti fl-ispirtu: il-moħħ Malti għadu kkolonjalizzat mhux neċessarjament mill-prinċep Britanniku daqskemm minn sistema partiġġjana li ħadet is-sopravvent malli salpaw ʼl hemm il-Britanniċi.

Il-konsegwenza ta’ dan kollu kienet li reġgħet infetħet id-diskussjoni dwar liema avveniment storiku għandu jiġi mmarkat bħala l-Jum Nazzjonali. Mhijiex xi diskussjoni profonda din għaliex ġeneralment l-emozzjoni instigata minn snin twal ta’ tanbir partiġġjan tegħleb ir-raġuni u d-diskussjoni tieqaf ħesrem.

Jien naħseb li għandna nibqgħu b’aktar minn jum nazzjonali wieħed, jekk xejn biex ikollna xhieda ta’ kemm l-identità nazzjonali tagħna hija waħda magħfusa bejn żewġ blokki li għamlu minn kollox biex jaqsmuna fi tnejn...u rnexxielhom. U tajjeb li nispjegaw lil min mhuwiex ta’ ġewwa għaliex aħna daqstant ipprivileġġjati li ngawdu ħamest ijiem nazzjonali u mhux jum wieħed.

Dan li qegħdin ngħixu bħalissa huwa mument partikolari għal dawk li jħaddnu xi twemmin reliġjuż. Miniex nalludi biss għal Malta hawnhekk, f’mument meta huwa tassew evidenti li l-Knisja lokali hija tant dgħajfa u b’futur imċajpar b’kunflitti interni serji ħafna. Ħafna Nsara qegħdin iħossuhom mhedda mill-messaġġi u l-imġieba vjolenti tal-ISIS. Ħafna Misilmin qegħdin iħossuhom mifxula għaliex ma jemmnux li l-messaġġ reliġjuż tagħhom għandu jiġi interpretat bil-mod kif qegħdin jinterpretawh in-nies tal-ISIS lanqas. F’dar-rigward, propju ftit tal-ġranet ilu, numru ta’ mexxejja spiritwali Misilmin ingħaqdu biex jgħaddu messaġġ ta’ kundanna reliġjuża għall-ISIS, u wrew kif bażikament dak li qiegħed isir imur kontra t-tagħlim Musulman. Il-kwistjoni tiħrax għaliex ħafna nies qegħdin jaraw theddida fl-Iżlam aktar milli fl-ISIS u allura jgħolli rasu l-preġudizzju kontra din ir-reliġjon.

Iżda attwalment din mhijiex kwistjoni reliġjuża. Biżżejjed wieħed jara li r-reliġjonijiet u l-ħassieba tagħhom dejjem ħadu ħsieb li jgħaddu messaġġ lis-segwaċi li għandhom jaħdmu għall-paċi u għal mod t’għajxien aħjar. Ir-reliġjonijiet – inkluża dik li suppost iħaddnu l-ISIS – jisħqu fuq il-ħsibijiet ta’ fraternità, għaqda u rispett. Madankollu, ħafna kunflitti fl-istorja ġew interpretati bħala gwerer qaddisa, anki meta r-reliġjon kienet biss skuża użata ħalli l-vjolenza ssir leġittima.

Dan huwa l-argument ċentrali ta’ Karen Armstrong fil-ktieb tagħha Fields of Blood: Religion and the History of Violence. Armstrong, eks soru Kattolika, iġġib argumenti plawżibbli ħafna li juru li attwalment il-vjolenza bejn grupp u ieħor m’għandha x’taqsam xejn mar-reliġjon. In-naħa l-oħra tal-argument, allura, huwa li anki f’dinja totalment sekularizzata, il-possibilità ta’ vjolenza tibqa’ ħajja xorta waħda. 

L-Istorja hija xhieda ta’ dan kollu: it-twemmin reliġjuż dejjem spiċċa użat minn dawk li kellhom il-poter biex irewħu aktar emozzjonijiet u sentimenti vjolenti fin-nies tagħhom għal dawk meqjusin għedewwa, li setgħu kienu ta’ fidi oħra, u, bħalma kien ħafna drabi l-każ, tal-istess twemmin reliġjuż.

It-twelid mill-ġdid tal-ideoloġiji leminin fl-Ewropa, ngħidu aħna, definittivament mhuwiex relatat mar-reliġjon. Wieħed irid iqis li din hija ideoloġija li kontinwament tfittex li toħloq antagonisti, imqar minn dawk li, paradossalment, għandhom twemmin komuni. In-nazzjonaliżmu tal-gruppi neoFaxxisti fl-Ewropa eks Komunista, pereżempju, huwa twemmin komuni li jġegħelhom iħarsu lejn xulxin mhux bħala sħab tal-istess twemmin (anki reliġjuż ħafna drabi) imma bħala antagonisti għal xulxin, l-aktar minħabba fehmiet konnessi ma’ konfini u etniċitajiet.

F’Malta ma konniex kapaċi nkunu poplu magħqud għal aktar minn erba’ sigħat. Dan huwa poplu maqsum u l-qasmiet li fih huma fondi biżżejjed li jekk wieħed jaqa’ fihom ma jitla’ minnhom qatt. U hija ovvja din: l-identità ta’ dak li jkun tiddependi l-aktar mid-differenza minn gruppi oħrajn, kemm jekk hija differenza reali, kemm jekk hija mistħajla, ivvintata u kkostruwita. Imma l-istess gwaj ta’ kunflitti bejn gruppi u sottogruppi; l-istess propensità għal diversifikazzjoni u diskriminazzjoni, hija komuni f’pajjiżi u realtajiet soċjali oħrajn.

More in Blogs