
Agħmilulu!

"Agħmilulu!” dan il-parir li ġieli jagħtuni ta’ madwari kull meta xi ħadd jikteb u jgħid xi ħaġa dwari. Ikunu qegħdin jirreferu għal kawża ta’ libell. Mhux l-ewwel darba li jkolli noqgħod insofri l-gideb li jintqal dwari u l-kummenti inġusti li jgħidu. Iżda jiena dejjem emmint li l-aqwa ġudizzju mhux tal-Imħallef u tal-Maġistrat iżda tan-nies. In-nies li jafu lil kulħadd fi gżira żgħira bħal Malta. Kif inħobbu ngħidu: Malta żgħira u n-nies magħrufa.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali jien kont taħt attakk gravi li weġġagħni ħafna u weġġa’ lill-familja tiegħi. Kont inweġġa’ mhux għaliex kelli minn xiex nibża’ jew għaliex kien hemm xi ħjiel ta’ verità f’dak li qiegħed jingħad dwari. Kont inweġġa’ għaliex qatt ma bsart li se naqgħu f’livell daqstant baxx ta’ politika.
Ma ninsa qatt il-billbord li għamlu dwari fejn penġewni qisni l-ħotba ta’ Notre Dame. Mhux għaliex Alla żejjinni b’xi sbuħija partikolari għax mhux il-każ! Iżda l-mod kiefer li ħadu vantaġġ minn kundizzjoni li għandi f’wiċċi li kienu jafu biha u xorta provaw jieħdu vantaġġ minnha. Dakinhar ħafna bdew jgħiduli “Agħmilulhom! Ċapċapulhom!” Dejjem irreżistejt li nagħmel il-libelli. Naf sewwa xi tfisser li tidħol il-Qorti!
Kien l-aħħar jum li stajna nikkummentaw qabel il-jum tas-“silenzju” ta’ qabel l-elezzjonijiet ġenerali. Kien l-aħħar programmm ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Norman Vella bl-isem ta’ TVPM. Sensiela ta’ semi-diskussjonijiet li suppost ma kellhom minn ħadd. Dakinhar kienet l-aħħar daqqa u gidma tal-kampanja elettorali. Miegħi kelli lil Simon Busuttil u m’għandniex għalfejn ngħidilkom kif spiċċajt sandwich. Kelli nlaħħaq mat-tnejn!
F’ħin minnhom Simon Busuttil b’dak is-soltu stil santimonjuż tiegħu insista miegħi li għandi nirriżenja, b’referenza għall-famuż inċident tal-blokka. Kien ilu kampanja sħiħa, hu u sħabu jinsistu miegħi biex nirriżenja. Mit-toroq, mill-pjazez, mill-mass meetings u fuq il-mezzi tax-xandir kollha jitolbu r-riżenja tiegħi. Fejn hemm is-sewwa ma ċċedi qatt. F’mument minnhom qalli wkoll biex nagħmillu libell.
Ir-reazzjoni tiegħi kienet waħda serena. Għidtlu li jiena ma mmurx għall-ġudizzju tal-Imħallfin u tal-Maġistrati iżda tan-nies. Għidtlu li għandu jkollu ftit tas-sabar għax fi żmien 48 siegħa xi ħadd minnha t-tnejn se jkollu jirriżenja u bil-pulit tfajtlu botta “Ara tkunx int!” 48 siegħa wara ħareġ ir-riżultat. Il-Partit Laburista rebaħ bl-akbar numru ta’ voti li partit f’pajjiżna qatt rebaħ. Lanqas elf libell ma kienu jivvendikawni b’dan il-mod.
Ovvjament jiena ma rriżenjajtx. Lanqas Simon ma rriżenja anzi għamel pass ’il quddiem: spiċċa Kap tal-Partit Nazzjonalista u dan minkejja li huwa kien responsabbli daqs oħrajn għat-telfa elettorali li sofra l-Partit Nazzjonalista. Mhux il-libelli jnaddfu lil dak li jkun iżda l-fatti li huma sagrosanti u fuq kollox l-opinjoni tan-nies. Jien naf uħud li rebħu libell iżda ġieħhom xorta tilfuh. Dan l-aħħar wieħed minn dawn li rebaħ libell qalli li, li kieku konna l-Ingilterra kienu jkunu ħafna akbar minn dawk li rebaħ. Jiena weġibtu li, li kieku konna l-Ingilterra l-Qrati Ingliżi kienu jgħerrquh fix-xmara Tamigi għal dak li ġie pruvat dwaru u li x’aktarx ma kienx joħroġ aktar mill-bieb ’il barra.
Il-libelli huma odjużi għaliex mhux dejjem inaddfuk minn dak li jemmnu n-nies fuqek. Maġistrat minn fuq il-bank jista’ jsib li skont il-liġi ġejt malafamat, iżda n-nies xorta jibqgħu jaħsbuha mod ieħor fuqek. Jistgħu jiġu fuqek u jawgurawlek tal-libell li rbaħt iżda minn wara dahrek jitbissmu u jehmżu lil xulxin. Kif ġralu t-tali li għadni kemm semmejt.
Iżda xorta m’hemmx għeżeż mil-libertà tal-kelma. Qiegħed ngħid dan għaliex illum hawn min qiegħed jinsisti li l-liġi tal-libelli għandha tkun aktar ħarxa. Bil-quddiem jiena ngħid li ma naqbilx. Ma naqbilx li għandu jkun hemm liġijiet li jsiru biex iwaqqfu lil dak li jkun jigdeb għaliex biex nagħlaq ħalq dik il-persuna jfisser li ħafna oħrajn li jkunu jixtiequ jgħidu l-verità joqogħdu lura. Billi nżidu l-multi nkunu biss qegħdin niffriżaw il-libertà tal-kelma. Anzi nħoss li libell kriminali m’għadx hawn postu f’soċjetà fejn l-individwu sar għandu saħħa kbira.
Il-liġi tal-libelli, f’pajjiż fejn ebda gazzetta m’għandha xi fondi interminabbli jew miljardarja, jekk tiħrax, tkun qiegħda biss tiffriża lil min hu onest. Dak li jkun, bil-biża’ li qiegħed jesponi ruħu għal danni u multi kbar jaħsibha darbtejn jitkellimx jew jippubblikax, għaliex qatt ma tista’ tgħid kif se tigik il-Qorti. Il-liġijiet tal-libelli ma għandhomx ikunu hemm biex jagħmel lil xi ħadd ftit iktar sinjur, iżda biex jagħti l-ġieħ lura lill-persuna u tiskredita lil min huwa diżonest. Jekk ovvjament dak li jkun isofri d-danni dejjem għandu r-rimedji ordinjarji.
Apparti dan kollu għandi d-dubji tiegħi kemm il-libelli għandhom jibqgħu kompetenza tal-Qrati Ordinarji. Għandu jkun hemm xi proċedura partikolari li fost dawk li jissejħu biex jiddeċiedu jkun hemm ġurnalisti mal-klassi legali. Il-Press Board jista’ jkun mudell li nistgħu niżviluppaw. Meta darba Lou Bondi qal ereżijiet fuq Gulia Farrugia kien il-Press Board li ddikjara li Bondi kien żbalja u l-biċċa waqqfet hemm. Gulia ngħata raġun u Bondi tilef biċċa minnu!
Għalhekk ejjew ma nkunux allarmisti. L-istampa hija indispensabbli għat-tħaddim tad-demokrazija. Ġieli jkun hemm wisq intriċċi u kompromessi bejn il-politici b’mod li l-verità li għandu jkun jaf biha l-poplu tibqa’ mistura. L-aħħar kampanja elettorali tal-elezzjonijet ġenerali kienu ddominati minn aħbarijiet li ħarġu fil-gazzetti u mhux minn Kastilja. Li ma ġarax hekk ma nafx x'kien jiġri.