Il-każ tal-Knisja Selettiva

Fil-bidu ta’ Awwissu, l-Isqof għal Għawdex, Mario Grech, tkellem waqt omelija fil-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz. Sostna li l-Knisja f’Malta “għandha bżonn demm ġdid.”

Giordano Bruno maħruq ħaj talli ċaħad il-kunċett tal-Knisja bbażat fuq il-poter
Giordano Bruno maħruq ħaj talli ċaħad il-kunċett tal-Knisja bbażat fuq il-poter

Din il-gazzetta tkellmet diversi drabi dwar il-bruda u d-demotivazzjoni tal-kleru lokali. Issa l-Isqof Grech donnu qed jirrealizza li d-demm marad u tilef is-sustanza tiegħu: “il-bniedem isir bla saħħa, jintelaq u jieħu bixra ta’ mewt,” qal l-Isqof, “għalhekk hi meħtieġa trasfużjoni ta’ demm ġdid biex titreġġa lura s-saħħa, tinkiseb lura l-enerġija u jseħħ twelid ġdid.

Apparti l-metafori

Imma apparti l-metafori. L-Isqof għal Għawdex qal xi ħaġa oħra li tolqtok. Qal li ma jimpurtax jekk il-Knisja ta’ Malta (u Għawdex, għandi nifhem) ma tibqax tippreżenta “reliġjon tal-massa”. Issa qed ikun realizzat dan? Issa qed jinħass il-bżonn ta’ selettività ġenwina? Ma kinitx dejjem il-Knisja stess li ħolqot u seddqet ir-reliġjon tal-massa? Mhux hi vvulgarizzat il-Vanġelu u tagħtu forma żlugata, ’l bogħod ħafna mill-awtentiċità Kristjana? Mhux il-Knisja kienet li sostniet ir-reliġjon tal-fanfarunati u l-piki, fejn il-kappillani niżlu jippulċinellaw fit-triqat mal-parruċċani? Mhux hi li ttollerat l-industrija tal-festa tal-Preċett?

Issa qed titkellem dwar il-ħsara tat-tradizzjonijiet. Il-Knisja: dwar il-marċi, il-bandalori u l-qubbajd li minħabba fihom kienet issagrifikata l-essenza evanġelika.

Il-Knisja u l-Illuministi

Demm ġdid għall-Knisja? Il-Knisja Maltija meta aċċettat u ttollerat demm ġdid? Fi żmien illuministi bħal Vassalli jew Manwel Dimech? Lil dawn, bħala ħabbara kontra l-injoranza u t-tradizzjoni fatali, għamlet minn kollox biex issikkithom u saħansitra teżiljahom. Lanqas jindifnu f’pajjiżhom ma riedet. Ippreferiet tkun il-Knisja tal-esebizzjoniżmu, bi prattiċi ipokriti bħallikieku dawn kienu l-ħamrija neċessarja biex tkun fertilizzata l-grazzja.

L-istorja tal-Knisja hi mmarkata b’intolleranza miċidjali; qatt ma riedet il-progress, il-liberaliżmu u l-assoċjazzjoni mal-kultura moderna. Ħassitha dejjem aktar komda b’reliġjon mummifikata, reliġjon mibnija fuq il-miti li jżommu lill-poplu kwiet u sottomess. Il-Knisja dejjem riedet l-ortodossija u eskludiet lil dawk li jmorru kontra l-elementi sedattivi u karikaturali tagħha. Ħalli niftakru fil-pożizzjonijiet li ħadet kontra Arnaldo da Brescia, Giordano Bruno, Paolo Scarpi, Galileo, Giannone u tant oħrajn. Dejjem ħaditha kontra l-intellettwali li kkonfrontawha, li rriffjutaw b’loġika ir-ripressjoni bigotta, l-iskjavitù morali, iċ-ċaħda tal-intelliġenza indipendenti. Il-persekuzzjoni tal-Knisja, li ma ġġibx is-saħħa tagħha min-numri u mill-massa sottomessa, baqgħet nieżla sa żmienna. Fl-1967 Franco Cordero tkeċċa mill-Università Kattolika ta’ Milan u kien iddikjarat bħala rivoluzzjonarju eretiku. Storja li rrepetiet ruħha ad nauseam matul is-sekli.

Illum il-Knisja m’għandhiex fejn iddur għal demm ġdid. La taċċetta djalogu u lanqas lil min ma jridx jibqa’ jqisha bħala ż-żejża kbira materna li ssostni l-“valuri morali” tal-pajjiż. Liema demm ġdid? Liema trasfużjoni? Ta’ dawk li kkundannat għax riedu li jiddaħħal id-divorzju (dritt li ddikkjarah Ġesù Kristu stess)? Jew għax ma ridux lil min jindaħlilhom fis-sesswalità tagħhom? Jew dawk li insistew li l-Knisja tikxef lil min abbuża mit-tfal?

Ma jimpurtax li ma tkunx tal-massa

Il-Knisja li jrid l-Isqof Grech, dik li ma jimpurtax jekk ma tkunx “tal-massa,” suppost tkun Knisja li tilqa’ u tassoċja ruħha ma’ erwieħ intelliġenti u maturi, erwieħ ta’ dixxerniment. Imma l-Knisja dan mhux veru tridu. Tibża’ minnu li ma jmurx jikkollassa l-pedestall imdieheb u privileġġat li hi mibnija fuqu.

Patri Mark Montebello OP

L-aktar eżempju riċenti tal-intolleranza tal-Knisja kontra l-ħsieb ġdid, aġġornat u djalogiku seħħ fl-2005 meta l-Knisja ordnat lil Patri Mark Montebello, Dumnikan, biex ma jitkellimx u ma jiktibx fuq ir-reliġjon Kattolika.

Xi trasfużjoni ta’ demm ġdid trid il-Knisja li qed jipproponi l-Isqof Mario Grech? Demm diġà marradi?

Netanyahu u l-Alla ta' Abraham

Richard Dawkins, ix-xjenzat ateist u l-awtur ta’ The God Delusion (2006), deher fuq l-istazzjon Al Jazeera jagħti l-veduti razzjonalisti tiegħu dwar l-idea ta’ Alla.

Beda, qabel xejn, billi rrefera għal Alla ta’ Abram, kif jidher fit-Testment il-Qadim: vili, vendikattiv, monstruż (u bil-poplu favorit tiegħu). Jien u nisimgħu ma stajtx inneħħi minn moħħi l-ħerba ta’ Gaża, bħallikieku Netanyahu qed iħabbar il-jedd divin li joqtol nies bħad-dbieben bħala tpattija, vendikazzjoni selvaġġa, bħal Gulija juża l-muskoli kontra poplu bla saħħa, għarkubbtejh.

Dawkins argument li ħafna drabi, it-twemmin iwassal għal gwerer bla ħniena, bħal meta l-Islam estrem jemmen li l-bombi suwiċida jipproduċu martri li jmorru dritt il-ġenna. Imma fil-verità, wara dawn il-pożizzjonijiet hemm dejjem fatturi politiċi. Għal Dawkins, ir-reliġjon hi biss “distrazzjoni mit-tfittxija għal twemmin veru, xjentifiku.” Ir-reliġjon tista’ toħloq trawmi li jkomplu jeżistu matul ħajtek kollha. Dawkins, li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “evanġelista evoluzzjonarju” spjega fil-programm li l-Kattoliċiżmu kapaċi jittrawmatizzak bl-idea tal-infern, fejn int “tinħaraq għal dejjem fl-infern.” Il-moralità, sostna Dawkins, ma tistax tkun ibbażata fuq l-iskrittura klassika, fejn il-poter reliġjuż jimxi pari-passu mal-politika; il-morali u l-politika jsiru oxxeni meta jintrabtu ma’ xulxin.

Bilkemm laħaq spiċċa l-programm fejn deher jitkellem, li l-istazzjon ma weriex programm ieħor, fejn Rabbi-ġurnalist minn The Washington Post deher iħabbar hekk: Hu Alla li qed jipproteġi lin-nies tagħna (l-Iżraeljani) u d-difiża tagħna.

Dażgur li għandu raġun Richard Dawkins jitkellem dwar il-mostrożità ta’ Alla ta’ Abram.

More in Blogs