L-Iintelliġenza emottiva ta' President mara

Allaħares l-elementi Mintoffjani fil-Partit Laburista għad għandhom is-sopravvent fuq il-Prim Ministru, tant li jinfluwenzaw lil min jaħtar jew ma jaħtarx President tar-Repubblika.

Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca
Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca

Mintoff dam biżżejjed jagħmilha tad-dittatur jew tal-bully fil-partit tiegħu (la sab lil min joqgħodlu) u ftit għad hemm lok li jerġgħu jkunu rxuxtati dawk l-atteġġjamenti. U ta’ min ifakkar li kull bully jibblaffja minħabba kumpless moħbi ta’ inferjorità.

Jista’ jkun li sezzjoni tal-mezzi tax-xandir sabet fejn tispekula dwar in-nomina ta’ Coleiro Preca bħala president. Il-filo-Mintoffjani, spekulaw il-mezzi tax-xandir, ma ridux lil George Vella għax kien kisirha ma’ Mintoff u sabet ruħha nominata Coleiro Preca.

M’hemmx x’tgħid wisq dwar il-fantasija ġurnalistika f’dan il-każ, għax kulħadd jaf li l-PM Muscat ilu żmien magħruf li kellu f’moħħu l-ħatra ta’ President mara. Hu l-mod tiegħu ta’ kif jagħmel omaġġ konkret lill-femminilità, lil mara dinamika li s-soċjaliżmu tagħha hu tanġibbli, b’nuċċali newtrali fejn jidħlu l-ilwien tal-bnadar tribali.

M’Louise Coleiro Preca għandha l-intelliġenza emottiva kollha biex tkun, tabilħaqq, ikona nazzjonali li kapaċi tintegra s-segmenti kollha tal-pajjiż, inklużi, fuq kollox id-dgħajfin.

L-istat tal-Librerija Pubblika

Rapport ta’ Ramona Depares fit-taqsima kulturali ta’ The Sunday Times of Malta wera f’liema stat patetiku tinsab il-librerija pubblika, fost telqa u abbandun li ma jixraqx lil pajjiż li suppost qed iħejji ruħu biex ikun il-kapitali Ewropea fl-2018.

Imqar ħarsa lejn kif joperaw il-libreriji pubbliċi (anki dawk reġjonali, mhux nazzjonali) juri fejn tinsab il-librerija pubblika f’Malta.

Qabel xejn, għall-konvenjenza tal-pubbliku, il-libreriji normalment jiftħu kuljum sat-8 ta’ filgħaxija, bis-Sibt sal-5 tal-filgħaxija. Il-klijenti jingħataw kard personali biex joperaw huma stess is-servizzi li joffru l-libreriji rispettivi.

Il-programmi interattivi (il-libreriji qatt m’huma ċimiterji) jinkludu programmi pre-school, narrazzjoni drammatizzata, żoni ta’ logħob edukattiv, klabbs għal wara l-iskola, gruppi ta’ dibattiti, faċilitajiet ta’ studju u riċerka, libreriji online, kollezzjonijiet sħaħ fuq suġġetti speċifiċi, kotba awdjo u DVDs u riżorsi għat-tagħlim ta’ lingwi barranin. Fl-Awstralja, pereżempju, dawn il-lingwi jinkludu l-Għarbi, il-Bosnjak, iċ-Ċiniż, il-Kroat, il-Grieg, il-Maċedonjan, il-Pollakk, il-Punġabi, is-Serb, l-Ispanjol, it-Tork, it-Taljan, il-Vjetnamiż u l-Malti. L-aktar riżorsi mkittfin huma dawk Maltin. Mhux għaġeb, meta l-istess librerija ċentrali tinsab fl-istat li tinsab.

Naturalment kif deher fil-mezzi tax-xandir lokali mhux il-libreriji kollha jistgħu jitqiegħdu fl-istess keffa. Iżda żgur li l-materja tal-librerija ċentrali għandha tkun iffokata sew.

Gogol u t-tbagħbis fil-meters

“Tmissux lil dawk fil-poter, imma attakkaw lis-subordinati tagħhom għax dawk nistgħu ngħaddu mingħajrhom.”

Il-kwotazzjoni ġejja mill-kitba ta’ Nikolai Gogol, id-drammaturgu Russu li għamel parodija sħiħa bir-redikolaġni tal-ħajja, bil-vulgarità, l-ipokresija u l-korruzzjoni.

Ftakart f’Gogol (li fost l-oħrajn kiteb L-Ispettur tal-Gvern) fil-kuntest tat-tbagħbis skandaluż li seħħ fl-arloġġi elettroniċi tad-dawl u l-ilma. Il-konsumaturi onesti spiċċaw spettaturi f’kummmiedja oħra tribali, bil-karatteristiċi kollha ta’ partita politika grotteska.

It-tbagħbis fil-meters tal-elettriku ma bediex illum. Diġà kien hemm każ fl-2006 u l-każ spiċċa f’vaudeville redikoli fejn seħħet indulġenza plenarja għall-ħlas ta’ mitt ewro. U aħna, iċ-ċittadini li nobdu u nirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż, nittieħdu ġirja oħra minn imneħirna (anki Gogol għandu parodija dwar l-Imnieħer).

Issa reġa’ tfaċċa tbagħbis qawwi jiswa madwar tletin miljun ewro. Inqabdu t-tekniċi u ttellgħu l-Qorti, bdew ikunu sentenzjati u l-konsumaturi li xaħħmu qed ikollhom iħallsu kollox bil-penali u l-interessi.

Ħafna ma jaqblux ma’ konċessjoni bħal din għax qed jintbagħat messaġġ ta’ kondexxenza. Imma l-każ żgur ma kellux għalfejn ikun sensazzjonalizzat b’mod iddisprat mill-Oppożizzjoni li saħansitra weħel ma’ rasha l-Kummissarju tal-Pulizija. Fil-fatt, qed jingħad min-naħa tal-gvern li l-Pulizija hi kompletament ħielsa li tieħu l-passi kriminali li trid kontra min abbuża. Allura għaliex il-grotteskerija u l-karnival politiku, li mhu jagħmel xejn ħlief ikompli jfarrak il-kredibbiltà tal-poplu fil-klassi politika, hi fuq liema naħa hi?

L-immigranti bħala "Skart"

Assolutament hi xi ħaġa tal-mistħija li uffiċjal mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jirreferi għall-immigranti irregolari bħala “skart” (trash). L-uffiċjal ħareġ bl-aġġettiv razzist u kattiv tiegħu meta gruppi umanitarji talbu biex issir inkjesta indipendenti dwar l-inkwiet li nqala’ fil-post fejn hemm miżmumin, fi stat ta’ indinjità, l-immigranti miżerabbli.

Mhux aċċettabbli li assocjat fi ħdanu hemm xi ħadd li qed jissuġġerixxi biex il-miżerabbli “jintbagħtu lura mnejn ġew.” Li tfisser jintbagħtu lura lejn il-faqar, il-ġuħ, il-miżerja, il-qtil, il-massakri u l-istupru tan-nisa u t-tfal.

Anki jekk l-uffiċjal “irtira” l-kumment selvaġġ li tella’ fuq Facebook u “apoloġizza”, kollox jindika l-insensittività tiegħu fejn tidħol il-kundizzjoni umana ta’ erwieħ ġejjin mill-infern tad-dinja. Ir-“rabja” tal-uffiċjal fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin (din hi r-raġuni li ta għall-kumment razzist tiegħu) ma tiġġustifika b’ebda mod l-intolleranza tiegħu, l-aktar meta hu uffiċjal pubbliku jopera f’kuntest li jinvolvi l-politika barranija. Għajb.

Malta kkundannata

Malta kienet ikkundannata ripetutament dwar il-politika tagħha dwar id-detenzjoni tal-immigranti irregolari kollha malli jmissu l-art, jekk ikunu fortunati biżżejjed li jmissu l-art. Għax qtajjiet tagħhom isibu qabarhom mal-ħut tal-qiegħ.

Dak li nqala’ dan l-aħħar fiċ-ċentru tad-detenzjoni reġa’ hu l-konsegwenza ta’ frustrazzjoni. Iżda dan ma jfissirx li l-immigranti għandhom xi privileġġ favur il-vjolenza. Li għandhom huma jeddijiet li jkunu trattati b’dinjità.

L-NGOs ilhom żmien jinsistu dwar il-qagħda fiżika u psikoloġika bħala konsegwenza tad-detenzjoni. Il-Ġiżwiti f’Malta kienu sabu li 80% tal-immigranti f’detenzjoni żviluppaw deterjorament f’saħħithom. L-umiljazzjoni, il-mistħija, ir-reżistenza li ddgħajfet, il-katastrofi. Hekk fakkar il-poeta li għaraf it-tamiet frustrati.

More in Blogs