Il-Papa, il-metafora u l-azzjoni

Papa Franġisku
Papa Franġisku

Fl-ewwel messaġġ tiegħu għall-Milied, il-Papa Frangisku appella għall-paċi fid-dinja. Appella favur il-fqar u kkundanna d-diskimrinazzjoni u kontra is-sekulazzjoni tan-neo-kapitaliżmu. Imma dan diskors biss, li ma jwassal imkien. Hu diskors riċiklat minn indirizz għal ieħor li joħroġ mill-Vatikan. Jekk irid ikun effettiv, il-Papa għandu jfittex pjattaformi oħra mnejn jitkellem, pjattaformi politiċi, li jkollhom impatt dirett fuq il-politiċi tad-dinja. Id-diskors tal-ħamiem ma wassal imkien. Hi meħtieġa l-azzjoni, mhux il-metafora. Meta kien meħtieġ, Kristu ma ddejjaqx ikun politiku. Il-konfront tiegħu mal-kbarat tas-Sanhaedrin ma kienu xejn ħlief sfida politika.

IL-KARNIVAL GĦAL MANDELA

Bejn il-funeral u l-karnival. Politiċi dinjin għamlu kummiedja waqt il-funeral għal Nelson Mandela. Il-Prim Ministru Daniża (miżżewġa lill-iben l-eks mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, Neil Kinnock), dehret marsusa bejn Barack Obama u David Cameron jiċċaċċraw quddiem il-kamera tar-ritratti, meħud mid-Daniża nnifisha bl-iPhone. Stessu (selfie) “interessanti” ta’ tliet politiċi ċaċċaruni jinjoraw x’kien għaddej ad unur bniedem kbir ta’ statura universali.

Dawk li għandhom memorji ta’ żgħożithom fis-sittinijiet, għexu bl-istejjer tal-Apartheid f’moħħhom: id-diskriminazzjoni, ir-razziżmu kontra s-Suwed, is-swat, il-ħabs u l-qtil, ir-reżistenza armata tal-African National Congress (ANC). U tiddomina kien hemm il-figura ikonika ta’ Nelson Mandela (1918-2013). Bih f’moħħha, il-ġenerazzjoni ta’ wara l-gwerra ħasset sens qawwi ta’ solidarjetà. U meta miet ix-xahar li għadda, ta’ 95 sena, id-dinja kollha baqgħet solidali ma’ x’kien ifisser Nelson (Madiba) Mandela. Minn Bono sa Muhammad Ali u l-Papa, Ir-Reġina u Barack Obama kollha ftakru fil-gwerilla li bidel lilu nnifsu minn simbolu ta’ reżistenza għal wieħed ta’ rikonċiljazzjoni u paċi. Minn simbolu ta’ rabja u militanza fil-lotta armata, Mandela ħareġ minn 27 sena ħabs bħala profeta ta’ maħfra u tama għal pajjiżu.

L-Apartheid kienet tfisser firda akuta li għoddha wasslet għall-gwerra ċivili, fost protesti kbar li ta’ spiss intemmew bit-tixrid tad-demm. Filwaqt li l-Apartheid kienet sistema diviżiva fuq bażi ta’ razza, illum wara l-mewt ta’ Mandela, il-firda għandha bażi soċjo-ekonomika. Hemm il-firda bejn min għandu l-flus u min m’għandux; bejn min għandu x-xogħol u min hu qiegħed (l-aktar dawk ta’ taħt il-25 sena).

L-edukazzjoni Sud Afrikana mhijiex tirrispondi għall-bżonnijiet tal-pajjiż u tal-ħtiġijiet globali. Minkejja r-riżorsi naturali tagħha, is-Sud Afrika m’għandhiex biżżejjed potenzjal għar-riżors tat-talent. Lil hinn mill-infatwazzjoni u l-emozzjoni, Mandela kellu sehem minn dan l-istat ta’ fatt, bħalma kellu responsabbiltà li jindirizza kif imiss il-problema tal-AIDS.

Imma minkejja l-limitazzjonijiet tiegħu, dan il-bniedem jibqa’ dejjem fuq in-naħa tal-libertà. U forsi għalhekk f’inħawi storiċi bħal Soweto, mewtu ġiet iċċelebrata biż-żfin u l-kant, f’dak li l-BBC bdiet tirreferi għalih bħala “karnival” f’ġieħ bniedem singulari.

L-ISKANDLU TAL-ISPJUNAĠĠ U GOETHE

L-iskandlu tal-ispjunaġġ bejn il-pajjiżi (l-aktar sensazzjonali jieħu l-forma ta’ spjunaġġ Amerikan kontra Angela Merkel) spiċċa bi speċi ta’ apoloġija assurda u kondexxenti ta’ Barack Obama, iwiegħed li l-Amerika mhux se terġa’ tinterċedi l-komunikazzjoni bil-mowbajl ta’ mexxej/ja barrani/ija. Iżda skont osservaturi fil-mezzi tax-xandir internazzjonali li ma tiddependix mill-patrunaġġ Amerikan, Obama sempliċiment żied il-gideb mal-ispjunaġġ. Għax min se jemmnu li l-Amerika mhux se tinvadi l-privatezza tal-Presidenti u l-Prim Ministri Ewropej? Jekk nieħdu l-każ tal-Ġermanja biss, x’se jkunu qed jagħmlu aktar minn 500 interpretu fluwenti Ġermaniż/a li jaħdmu għall-aġenziji sigrieti tal-Istati Uniti? Dawn x’se jkunu qed jagħmlu bħala impjieg? Jaqraw u jittraduċu lil Goethe jew Hermann Hesse? Jagħmlu riċerka fuq Hitler u kif kien jispirah Wagner? Jew jistudjaw il-films ta’ Inspector Rex?

Hu minħabba f’hekk, jikkummenta ġurnalista veteran mill-emisfera tan-nofsinhar paċifiku (fejn l-Awstralja nqabdet tispjuna fuq l-Indonesja) li Obama qed jigdeb, li qed iżejjen il-politika estera tiegħu b’diplomazija falza li l-Amerikani stess mhumiex japprovaw. Obama jidher li qed iqalleb f’Macchiavelli:

It-tattiċi qarrieqa tal-volpi forsi jevitaw il-vjolenza tal-iljun.

SETT BOLLI MEDJOKRI

L-istaġun tal-festi għadda u ntfew id-dwal speċjali kollha. Imma s-sett tal-bolli tal-Milied għas-sena 2013 għadu jdur mad-dinja, bil-posta normali u għand il-kollezzjonisti. Dawk li lmentaw dwar il-faqar viżiv u tekniku tas-sett għandhom raġun. Ftit kien hemm bolol Maltin li niżlu f’dan il-livell ta’ medjokrità. Il-kunċett kien tajjeb: il-ħsieb ta’ presepju mekkanizzat mibdi fl-1947 mill-Istitut Ġesù ta’ Nażaret fiż-Żejtun, li kien jilqa’ mijiet ta’ orfni jesprimi sensittività reliġjo-soċjali. Imma s-sett ta’ bolli jagħmel għajb lil dan il-ħsieb. Hemm ċapep ta’ lwien konfużi u mingħajr definizzjoni ċara. M’hemmx iffukar u m’hemmx ċentralizzar b’mod li l-kompożizzjoni ma tikkonċentra fuq ebda aspett partikolari. Lanqas m’hemm attenzjoni għad-distribuzzjoni / bilanċ tal-kuluri.

Seta’ tqabbad fotografu professjonali biex “jikkomponi” taqsimiet mill-presepju qadim ta’ Paul Pavia. Meta rajt dan is-sett “vulgari”, ftakart fl-impatt eleganti li kellhom is-settijiet filateliċi ta’ Emvin Cremona, bil-preġju enormi tagħhom fost il-kollezzjonisti internazzjonali.

Maltapost trid tara li ma naqgħux f’dan il-livell ta’ medjokrità estetika b’Malta stampata għal għajn id-dinja. Milied jew mhux.

More in Blogs