
Faqar: Ambizzjużi iżda determinati li naslu
Il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca dwar il-faqar f'Malta

Il-faqar u l-inugwaljanza huma magħmulin mill-bniedem, għalhekk huwa l-istess bniedem, jiġifieri s-soċjetà li trid timpenja ruħha u telimina din il-pjaga soċjali.
Nhar L-Erbgħa li għadda komplejna nwittu t-triq biex dan ikun jista’ jseħħ. Il-Gvern nieda Green Paper li meta tiġi adottata bħala l-politika tal-Gvern se tkun qed tnaqqas il-faqar bi 22,000 persuna, b’mod partikolari tfal u anzjani.
Sa mill-ewwel jiem ta’ din il-leġiżlatura middejna għonqna għax-xogħol sabiex infasslu strateġija ħolisitika li twieżen lid-dgħajjef u lill-vulnerabbli.
Iggwidati mill-valur tal-ġustizzja soċjali nemmnu li tabilħaqq se nimplimentaw din l-istrateġija li tindirizza l-faqar. U dan għaliex aħna determinati li naslu.
L-indikaturi soċjali juru kif fl-2006 dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali kienu madwar 76,000 persuna. Fl-2012 dan in-numru tela’ għal 94,000 persuna. Dawn il-figuri xokkanti jagħmel il-faqar waħda mill-akbar prijoritajiet għall-Gvern, u għal dan il-għan nedejna din il-Green Paper.
Din l-istruttura għandha l-għan li toħloq struttura ta’ politika li tkattar il-ġid u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd. Se nkejlu s-suċċess ta’ dan il-Gvern b’kemm kapaċi nipprovdu għal kulħadd, u mhux bil-flus li jintefqu.
Aħna Gvern li tassew nisimgħu u propju din il-Green Paper tiġbor l-interpretazzjoni tal-konsultazzjonijiet wiesa’ li saru mal-pubbliku inġenerali fosthom mat-tfal li taw wiċċ lill-faqar mil-lenti tagħhom. M’aħniex se nagħlqu l-bibien tagħna għall-konsultazzjoni. Fil-fatt din il-Green Paper se tkompli tistimola aktar diskussjoni u għalhekk se nibqgħu nisimgħu u nilqgħu suġġerimenti sal-20 ta’ Frar li ġej.
B’hekk tkun saret konsultazzjoni wiesa’ ma’ kulħadd qabel jiġi finalizzat il-qafas għal Strateġija Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali 2014 – 2024.
Il-mira tagħna hija li sal-2015, in-numru ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali jonqos bi 22 elf persuna. Il-Gvern preċedenti kien għamel mira li sal-2020 in-numru ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali jonqos b’6,500 persuna. Din kienet mira wisq dgħajfa u inaċċettabbli għal min verament jemmen fil-ġustizzja soċjali.
Digà tajna bidu għal vjaġġ mimli sfidi iżda kommessi li naslu sabiex nindirizzaw dawk li nqabdu fix-xibka tal-povertà. Wara dubji u kritika inġusta mill-Partit Nazzjonalista, f’Marzu li ġej il-familji Maltin u Għawdxin se jibdew igawdu mir-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Nafu li l-kontijiet tal-enerġija kienu ta’ piż kbir għall-familji Maltin u Għawdxin. Kien għalhekk li l-Gvern wiegħed li jraħħas il-kontijiet, biex jerġa’ jagħti n-nifs mistħoqq lill-poplu.
Fil-Baġit għal din is-sena neħħejna wkoll it-taxxa fuq id-dħul għall-gruppi vulnerabbli fosthom il-pensjonanti li qegħdin fuq pensjoni żgħira u dawk li jaqilgħu paga minima.
Qed ninċentivaw ix-xogħol u biex aktar nisa jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol se nagħmlu ċ-child care centres b’xejn. Qed nintroduċu l-kunċett tas-sistema tat-tapering of benefits għal benefiċjarji tas-servizzi soċjali u li jsibu x-xogħol, biex nimmotivaw lil kull min jiflaħ biex jaħdem. B’hekk inkunu qed nippremjaw il-bżulija għaliex ix-xogħol huwa għodda għal mobbiltà soċjali.
Qed nagħtu wkoll għajnuna lil grupp akbar ta’ anzjani li jgħixu fir-residenza tagħhom permezz tal-għotja ta’ tliet mitt ewro ta’ darba fis-sena li qabel kienet tingħata lill-anzjani minn 78 sena ’l fuq u li issa qed tingħata wkoll lill-anzjani minn 75 sena ’l fuq.
L-indikaturi soċjali wrewna li għandna wieħed minn kull tlett itfal jinsabu f’riskju ta’ faqar. Dan huwa inaċċettabli għal pajjiż li qed iħares li jkun l-aqwa fl-Ewropa. Għalhekk se nagħmlu aċċenn fuq tfal u familji bi dħul ta’ anqas minn 6,200 ewro fis-sena biex ma jibqgħux aktar fir-riskju tal-faqar.
Matul din is-sena, permezz tal-proġett LEAP, se nkunu qed naħdmu biex naraw it-twaqqif ta’ Ċentri ta’ Riżorsi għall-Familja, ċentri li joffru servizzi fil-qalba tal-komunità.
Dan kollu ġej wara li smajna mill-akkademiċi kif ukoll miċ-ċittadini li qed jitlobu li nagħmlu dawk l-interventi minn kmieni u azzjonijiet f’waqthom biex ma narawx aktar nies jiftaqru u jegħrqu f’diffikultajiet li jistgħu jiġu ndirizzati fuq livell komunitarju.
Jekk il-faqar u l-esklużjoni soċjali jkompli jiżdied, il-piż fuq is-soċjetà jiżdied għalhekk nappella biex flimkien naħdmu ħalli nibnu Malta aktar inklussiva u aktar impenjata fit-tkattir tal-ġustizzja soċjali, biex inkunu kburin li ngħixu f’soċjetà li tkun tassew ġusta ma’ kulħadd.