
Il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea għand ta’ ħdejna

Nhar it-Tlieta l-1 ta’ Lulju, il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea se tkun bieb u għatba magħna hekk kif din se tgħaddi minn idejn il-Griegi għal għand il-ġirien tagħna t-Taljani.
Din se tkun it-12 il-darba li l-Italja se tkun qed tmexxi l-Presidenza Ewropea sa mill-1959 bit-Taljani Alterio Spinelli u Alcide de Gaspari jibqgħu meqjusa bħala tnejn mill-pilastri fundaturi u missirijiet tal-Unjoni Ewropea.
Din il-presidenza se tkun f’idejn il-pajjiż ġar tagħna li bħalissa qed jikkordina wkoll il-Mare Nostrum, programm ta’ salvataġġ li qed iwassal biex dawk l-eluf ta’ immigranti illegali li jkunu qed jaqsmu l-baħar lejn l-Ewropa bit-tama li jsibu futur aħjar, jingħataw l-għajnuna u salvataġġ meħtieġ wara li ftit xhur ilu rajna t-traġedja ta’ Lampedusa li ħalliet mijiet mejta inkluż ammont ta’ tfal.
S’issa din is-sena, diġà waslu l-Italja aktar minn 50 elf immigrant illegali bil-Ministru Angelino Alfano kontinwament jisħaq li l-Ewropa hemm bżonn li tqum u tieħu azzjoni immedjata f’dan ir-rigward. Alfano qed jinsisti li preżentament hemm madwar 600,000 immigrant fl-Afrika ta’ Fuq lesti biex jagħmlu t-traġitt lejn l-Ewropa bl-eqreb art tkun il-gżira ta’ Lampedusa li ma tiflaħx takkomoda iżjed immigranti.
Għalina bħala pajjiż, il-presidenza f’idejn it-Taljani għandha importanza partikolari hekk kif Malta wkoll ilha tisħaq li l-Ewropa għandha bżonn tistabilixxi politika komuni fir-rigward tal-immigrazzjoni u li l-għanjuna ta’ qsim tal-piż li din il-problema qed iġġib magħha ma tibqax biss fuq bażi volontarja.
Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi jrid ukoll li l-Aġenzija FRONTEX tissaħħaħ b’aktar apparat ta’ salvataġġ kif ukoll poteri ta’ qsim ta’ responsabbiltà bejn il-pajjiżi membri, xi ħaġa li żgur se ssib l-appoġġ mingħajr ebda riservi minn naħa tal-gvern Malti u l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Apparti l-presidenza tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur li ġejjin, f’Novembru l-Italja se tkun ukoll qed tospita r-raba’ edizzjoni tal-Laqgħa Ministerjali EwroAfrikana għall-Migrazzjoni u l-Iżvilupp, laqgħa li għall-pajjiżna wkoll għandha sinifikat importanti ħafna.
Il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat hu mifhum li għandu relazzjonijiet tajbin ħafna ma’ Matteo Renzi u allura nistennew li matul is-sitt xhur li ġejjin, din ir-relazzjoni ta’ bejniethom tkompli tissaħħaħ fl-aħjar interess taż-żewġ pajjiżi rispettivi.
Hu mifhum li biex immexxi din il-presidenza fis-sitt xhur li ġejjin, il-gvern Taljan alloka baġit speċifiku €56 miljun. Apparti l-enfasi fuq l-immigrazzjoni, Matteo Renzi se jkun qed jagħti wkoll attenzjoni partikolari lejn it-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa kif ukoll il-ġlieda kontra l-qgħad u l-ħolqien tax-xogħol, żewġ fatturi li wkoll qed jingħataw importanza f’pajjiżna mill-gvern Malti.
Il-presidenza Taljana se tħares ukoll lejn is-settur tal-enerġija hekk kif il-pjan Ewropew 2030 li jittratta l-klima u l-enerġija għandu jiġi deċiż sa mhux aktar tard minn Ottubru 2014 u allura taħt l-istess presidenza tat-Taljani.
L-Italja hi wkoll favur politika ta’ difiża Ewropea komuni u dan kien diskuss fi tmiem is-sena li għaddiet waqt seminar li sar f’Diċembru bit-tema “More Europe on Defence” fejn hu mifhum li jekk l-Ewropa jkollha Armata Ewropea, jistgħu jiġu ffrankati madwar €120 biljun fis-sena.
Dawn il-punti kollha b’xi mod jew ieħor huma ta’ interess għall-pajjiżna u għalhekk nawguraw li fis-sitt xhur li ġejjin tkompli l-ħidma fl-aħjar interess tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-aħjar interess tal-umanità.