Avete morso a buono

Suarez spiċċa biex tqabbel ma’ Hannibal Lecter, appuntu għaliex jekk hemm xi ħaġa li tiddiżgusta s-soċjetà tagħna hija l-kannibaliżmu
Suarez spiċċa biex tqabbel ma’ Hannibal Lecter, appuntu għaliex jekk hemm xi ħaġa li tiddiżgusta s-soċjetà tagħna hija l-kannibaliżmu

F’nofs ta’ taverna żewġ irġiel għandhom kwistjoni taħraq bejniethom minħabba mara u l-istorja tagħhom it-tnejn magħha. Wieħed minnhom, xi ftit xurban, joffri tazza lill-ieħor li jkun pront jirrifjutaha billi jgħidlu li jekk jixrob l-inbid tiegħu jinbidel f’semm hekk kif jixorbu. Il-qiegħa tisħon u wieħed jisfida lill-ieħor għal dwell u dan jaċċetta billi jgħannqu u jigdimlu widintu sa joħroġlu d-demm. Id-dwell isir qalb is-siġar ftit ʼil barra mil-lokal, u wieħed minnhom jinqatel bid-daqqiet ta’ sikkina fl-istonku u f’gerżumtu.

F’dan ir-rakkont ta’ Giovanni Verga, li kiseb popolarità dinjija l-aktar meta Pietro Mascagni kkompona l-opra b’att wieħed Cavalleria Rusticana, il-gidma tal-widna timmarka mument deċiżiv hekk kif ir-rivalità bejn Turiddu u Alfio tinbidel f’mibegħda li twassal għat-traġedja.

F’nofs il-kaxxa l-kbira ta’ grawnd tal-futbol, quddiem miljuni ta’ nies iħarsu, hemm dan il-proxxmu, meqjus minn ħafna bħala leġġenda tal-logħba tal-ballun, li hekk, ħabta u sabta, ifettillu jigdem l-ispalla tad-difensur li qiegħed jilgħab kontrih. Luis Suarez għandu storja ta’ gdim għaliex kien diġà gidem żewġ plejers oħra fil-karriera tiegħu u d-darbtejn ġie kkastigat ta’ għemilu. L-inċident qajjem reazzjoni kbira, tant li jekk tfittex dwaru Google itella’ mhux inqas minn ħmistax-il miljun u nofs entrata f’inqas minn sekonda. Ir-raġunijiet għala dan Suarez iħoss din il-ħtieġa li jigdem lill-avversarji tiegħu jistgħu jkunu diversi u tajjeb li dak li jkun jindagahom, imma daqstant ieħor huwa interessanti li tiġi analizzata r-reazzjoni dinjija (u immedjata) għal din il-gidma speċjalment meta l-futbol huwa sport li għandu element qawwi ta’ aggressività u vjolenza. Irrid ngħid li huwa interessanti li wieħed jistaqsi għala r-ruxxmata daqqiet ta’ sieq u bil-minkbejn u bl-idejn li jseħħu tul disgħin minuta logħob jittieħdu bħala azzjonijiet normali u għaldaqstant ma jaqalgħu ebda kjass, filwaqt li gidma qanqlet tant reazzjoni.

Ir-reazzjoni għall-gidma ta’ Suarez mhux biss kienet immedjata u mifruxa, imma anki kkulurita: minn reazzjonijiet ta’ diżgust għal oħrajn umoristiċi, reazzjonijiet ta’ rabja anki b’laqtiet politiċi jekk mhux ukoll razzisti. U dan kollu, wieħed irid jiftakar, tqajjem mhux daqstant għall-fatt li dan il-plejer wettaq att vjolenti fuq plejer ieħor, imma għall-fatt li uża ħalqu biex iwettaq l-aggressjoni tiegħu. X’għandu l-ħalq differenti mis-saqajn, ngħidu aħna, jew xi parti oħra tal-ġisem, biex jissoleċita din ir-reazzjoni kollha?

Il-ħalq huwa parti partikolari ħafna mill-ġisem uman għaliex huwa kavità li minnu tista’ tidħol fil-ġisem. Il-bniedem jista’ jieħu n-nifs mill-ħalq, jiekol u jixrob. Mill-banda l-oħra mill-istess kavità l-bniedem jista’ jagħmel affarijiet diżgustanti bħal jirriġetta u jobżoq. Huwa parti li hija assoċjata ma’ attivitajiet pjaċevoli imma fl-istess ħin, l-istess attivitajiet jistgħu jkunu diżgustanti: wieħed ibus bil-ħalq, jirċievi partijiet ta’ ġisem ieħor f’ħalqu imma fl-istess waqt joqgħod attent li mhux kull ħaġa għandha titpoġġa fil-ħalq. Ifisser, allura, li l-ħalq jitqies bħala parti intima ħafna fil-ġisem tal-bniedem. Huwa proprju għalhekk li ħafna nies jibżgħu mid-dentist, li jħossu l-għodda tad-dentist ġo ħalqhom bħala invażjoni f’ġisimhom kollu kemm hu. Suarez juża ħalqu biex, din il-parti intima tiegħu, biex jattakka lill-plejer l-ieħor. 

L-istess il-gidma minnha nifsha tintuża f’attivitajiet, azzjonijiet u sinifikanti kuntrastanti. Il-gidma tiffaċilita l-konsum tal-ikel. Il-gidma tintuża wkoll bħala espressjoni ta’ mħabba, turija ta’ interess u eċitament sesswali imma wkoll bħala att vjolenti. Forsi minħabba n-natura djalettika tiegħu, il-ħalq jista’ jqajjem element ta’ tabù, għallinqas fis-soċjetà tagħna. Għal din ir-raġuni, meta nkunu għadna tfal, il-kbar jinsistu magħna li ma nitkellmux bl-ikel f’ħalqna, li aħna u nomogħdu ħalqna nżommuh magħluq, u aħna u nieklu ma nagħmlux ħsejjes b’ħalqna.

Is-snien ukoll huma parti minn dan it-tabù. Ħalq mingħajr snien jindika mard jew traskuraġni, u snien foloz huma xi ħaġa li dak li jkun jipprova jaħbi. Issa fil-każ tal-gidma ta’ Suarez dan it-tabù jinkiser għal kollox: uża parti intima fuq ġisem ħaddieħor li m’għandux relazzjoni intima miegħu; għamel kuntatt b’ħalqu u bi snienu ma’ ġisem ħaddieħor; ivvjolenta ġisem ħaddieħor; fetaħ ħalqu meta ma ħalqu ma kellux ikun miftuħ. 

Suarez uża snienu bħala arma, aktarx taqta’ u bil-ponta, li għandha s-setgħa li tinfed il-ġisem ta’ ħaddieħor bħalma tagħmel sikkina. Għaldaqstant il-gidma mhux biss tweġġa’ lill-vittma imma tippenetrah, u la darba tippenetrah hemm ukoll livell ta’ umiljazzjoni. Il-plejer Taljan jikxef spalltu quddiem miljuni ta’ għajnejn, biex juri l-marka tal-gidma, bażikament kompla jżid mal-umiljazzjoni tal-att aggressiv ta’ Suarez fuqu.

Imbagħad hemm il-ħsieb tal-kannibaliżmu. Sa ftit minuti wara l-famuża gidma fil-kaxxa l-kbira tal-Estadios das Dunas bdew itiru minn kullimkien akkużi serji u satiriċi li pinġew lil Suarez bħala kannibalu għax gidem lil raġel ieħor. Naturalment kienu x’kienu l-motivazzjoni u l-għan ta’ din il-gidma, żgur li ma kien hemm ebda interess li l-vittma tagħha tittiekel u diffiċli wieħed jistħajjel li kien il-ġuħ li wassal lil Suarez jigdem. Madankollu, bħalma l-ħalq minnu nnifsu huwa tabù l-istess nistgħu ngħidu għall-kannibaliżmu u r-rabja lejn Suarez kienet hekk kbira li l-akkuża kontrih kellha tkun pariġġ. Suarez spiċċa biex tqabbel ma’ Hannibal Lecter, appuntu għaliex jekk hemm xi ħaġa li tiddiżgusta s-soċjetà tagħna hija l-kannibaliżmu. Iżda anki hawn jidħol l-element tal-paradoss għaliex daqskemm iġib miegħu diżgust it-tabù jqanqal interess kbir: nieħdu lil Shakspeare b’Titus Andronicus, jew Peter Greenaway b’The Cook, the Thief, his Wife and her Lover. Il-gidma ta’ Suarez ġiet issensazzjonalizzata ħafna aktar permezz tar-referenzi għall-kannibaliżmu.

Finalment hemm il-memorja tal-infantilezza. Huma ħafna t-tfal ta’ xi sentejn li jigdmu. Anki jekk inċanfruhom ta’ dan l-għemil ilkoll kemm aħna lesti nifhmu li tfal ta’ dik l-età għandhom raġuni ‘valida’ għala jigdmu: għadhom ma jafux jesprimu ruħhom anki f’mumenti li għalihom jafu jkunu frustranti ħafna u l-gidma taf tkun l-unika mezz, jew l-aktar mezz effikaċi kif jiġi espress dan il-frustrament. Imma Suarez għandu sebgħa u għoxrin sena; suppost li l-vizzju tal-gdim ilu li għelbu.

Il-gidma hija att vjolenti, u anki jekk tkun infantili, tiskomoda għaliex tfakkarna fil-bestjalità tal-bniedem; tħassar il-proċess kollu ta’ ċivilizzazzjoni u għal ftit mumenti l-bniedem jidher fl-essenza primittiva, selvaġġa tiegħu. Kemm jekk hi stedina għal dwell, kemm jekk għal akkoppjament, hija sinjal tan-natura bażika tal-umanità.

More in Blogs