Il-biża’ tiegħi

Il-problema li għandu Simon Busuttil huma dawk li jdawruh u hu nnifsu.

Għandi ċertu biża’. Għandi ċertu biża’ li l-Oppożizzjoni hija kundannata li għal ħames snin li ġejjin mhux se tkun qiegħda titwemmen jew tittieħed bis-serjetà. Tneħħi mhux aktar minn nofs tużżana minn dawk li hemm issa fil-grupp parlamentari Nazzjonalista, hemm mhux biss kriżi ta’ identità iżda agħar minn hekk ta’ kredibbiltà.

Il-problema li għandu Simon Busuttil huma dawk li jdawruh u hu nnifsu. Fil-medjuevu, saċerdot li kien jiżbalja, kien jagħmel żmien maqtugħ minn man-nies u jmur f’reklużjoni spiritwali. Jistqarr miegħu nnifsu u ma’ Alla, n-nuqqasijiet tiegħu. Qabel ma jissaffa ma kienx jirritorna lura fis-soċjetà. In-nies ikunu jridu jaraw bniedem differenti u li tassew nidem għaliex inkella ma jaċċetawhx u lanqas jafdawh.

Dan il-proċess fi ħdan il-politiċi Nazzjonalisti għadu ma sarx. B’uċuħ bħal Tonio Fenech, Beppe Fenech Adami, George Pullicino , Simon Busuttil innifsu u oħrajn, li b’xi mod kellhom sehem fid-deċiżjonijiet li waslu lill-PN għar-rovina elettorali, qatt ma huma se jirnexxilhom jakkwistaw il-kredibbiltà politika meħtieġa. Il-biża’ tiegħi li anke meta jkunu qegħdin jgħidu dak li hu veru ma jħalli ebda effett ma’ dik il-parti tal-elettorat li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar min jirbaħ l-elezzjoni.

Il-problema tal-Kap tal-Oppożizzjoni hi li għandu kriżi ta’ identità fi ħdan il-grupp Parlamentari, li naħseb hija riflessa wkoll fl-istrutturi kollha ta’ dan il-partit. Qasma, li ġejja minn żmien it-tmexxija ta’ qabel. Bejn dawk li jridu jidħlu fil-21 seklu u dawk li ma jistgħux jifhmu li ż-żmien tal-pontifikazzjoni politika dwar materja ta’ bixra liberali spiċċa. Għalhekk anke fid-dikjarazzjonijiet li qegħdin isiru hemm iż-żerriegħa tal-kontradizzjoni.

Ftit qabel l-elezzjoni li għaddiet u wara r-riżultat tar-referendum, il-partit Nazzjonalista nieda dokument bil-ħsieb li mil-lum għall-għada jeqleb il-politika tiegħu dwar attitudnijiet ġodda fis-soċjetà. Iżda dan ma setax isir u mhux qed isir jekk ma tkunx temmen fit-tibdiliet li hemm bżonn. Għalhekk ma kull liġi li ser tkun qiegħda tersaq quddiem il-Parlament dwar liġijiet b’kontenut liberali, din il-qasma ser tibqa’ tfeġġ u titla’ fil-wiċċ. L-astensjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni dwar il-liġi tal-unjoni ċivili mhix l-aħħar waħda li rajna. Għandi intuwizzjoni li ser ikun hemm oħrajn.

Għalhekk meta kemm sentejn ilu u anke issa l-Professur Joe Friggieri qal, li meta tiftaħ it-twieqi trid tħalli r-riħ jgħaddi, kien hemm sens qawwi f’dak li qal. Ma tistax turi li inti liberali iżda meta tiġi għall-fatti turi mod ieħor. Il-kelma liberali mhix sempliċi slogan politiku biex taħtaf il-voti iżda huwa prinċipju li trid temmen fih. Għalhekk meta ftit wara l-vot dwar l-unjoni ċivili, il-Kap tal-Oppożizzjoni jiddikjara li l-partit tiegħu huwa bit-twieqi u bibien miftuħin għal kulħadd ħafna feġġitilhom tbissima sarkastika fuq wiċċhom.

It-Tnejn li għadda kont fuq programm ta’ dibattitu u miegħi kelli lil Beppe Fenech Adami u lil Carmel Cacopardo. F’mument minnhom bdew juru xi biċċiet minn diskorsi ta’ Simon Busuttil. F’wieħed minn dawn il-clips Simon instema’ jappella lil dawk preżenti jisimgħuh biex jafdawh għaliex huwa dejjem qal il-verità, f’dak il-ħin Carmel Cacopardo impulsivament, minn taħt l-ilsien iżda b’mod li jinstema’ qal: “ Tridx tmur!”

Dik fil-fatt hija r-reazzjoni impulsiva ta’ kull min jisma’ lil Simon Busuttil illum jippotifika fuq x’inhu tajjeb jew x’inhu ħażin. Il-memorja tan-nies dwar Simon, delegat speċjali ta’ Lawrence Gonzi, ta’ Simon Viċi-Kap jiġġustifika d-deċiżjonijiet ħżiena li kienu ttieħdu u Simon illum, tnissel fin-nies sens qawwi ta’ diffidenza u nuqqas ta’ fiduċja. Mhux kwistjoni li aħjar ix-xitan li taf. Iżda hija kwistjoni li n-nies mhumiex lesti li jafdaw lix-xitan li jafu.

Meta dan l-aħħar ktibt fuq il-kwistjoni dwar l-iżvilupp fl-inħawi tat-tempji Ta’ Ħaġrat, l-Oppożizzjoni kienet pronta tfaqqas konferenza stampa quddiem dawn it-tempji u tippreżenta mozzjoni quddiem il-Parlament biex ikun irtirat il-permess. Kont nippreferi li preżentaw il-mozzjoni mingħajr il-ħtieġa li kelli nikteb qabel jiena. Iżda anke f’sitwazzjoni bħal din, ser ikun hemm imbarazzament għall-partit Nazzjonalista. Għaliex dak li ġara kien bis-saħħa ta’ regolamenti u politiki li kienu saru minn George Pullicino! Dwar x’ġara qrib dan it-tempju għadna ma smajna xejn!

Għalhekk nerġa’ niġi għall-biża’ li semmejt fil-bidu. Wisq nibża’ li b’Oppożizzjoni li tilfet kull kredibbiltà se ssir ħsara kbira lid-demokrazija. Mingħajr Oppożizzjoni kredibbli ebda Gvern ma jħossu li huwa adegwatament mgħasses. Ċensura ta’ Gvern li tkun ġejja minn Oppożizzjoni li mhix kredibbli titlef il-valur tagħha għax ma tingħatax il-piż li jkun jistħoqqilha minn min ikun qiegħed jismagħha. 

Mhux fl-interess tal-partit Laburista li jkun hemm Oppożizzjoni moralment falluta. Il-falliment finanzjarat tal-PN mhux problema, għaliex xi ħin jew ieħor il-flus minn x’imkien jiġu. Il-falliment elettorali mhux problema, għaliex xi darba jew oħra l-voti jistgħu jiġu. Iżda l-falliment morali huwa ikrah. Dak ħadd ma jagħtihulek. Dak trid tiksbu!

More in Blogs