D-Day

Il-ħsieb kien, li suppost l-Ewropa tibqa’ magħquda u ma jerġgħux jiġu fuqna żminijiet ta’ gwerra.

Kellha tkun sena mimlija anniversarji. Mhux biss lokali iżda anke internazzjonali. Issa kien imiss is-70 sena mill-iżbark tal-Alleati fit-Tieni Gwerra Dinjija fuq ix-xtut ta’ Franza okkupata. Żbark u invażjoni li kellha tkun il-bidu għall-waqgħa ta’ Adolf Hitler mill-poter. It-tmiem ta’ renju ta’ terrur li sa issa d-dinja għadha qatt rat bħalu.
Dan l-anniversarju kellu wkoll jaħbat fl-istess ġimgħa li l-Ewropa, suppost kollha, ħarġet tivvota għal dak li suppost hu Parlament Ewropew. Żewġ avvenimenti li storikament huma konnessi għaliex il-waqgħa ta’ Adolf Hitler mill-poter kienet il-kawża li nibtet l-Unjoni Ewropea. Il-ħsieb kien, li suppost l-Ewropa tibqa’ magħquda u ma jerġgħux jiġu fuqna żminijiet ta’ gwerra.
B’dan kollu minn dakinhar sal-lum kellna okkażjonijiet li qatt ma konna naħsbu li ser nerġgħu noħolmu bihom. Fl-Ewropa rajna l-bombardamenti ta’ bliet mill-Amerikani f’ dik li darba kienet il-Jugoslavja. Rajna l-atroċitajiet f’Serebniza. Il-kampijiet ta’ konċentrament fis-Siberja u fil-Gwerra tal-Balkani. Popli jobogħdu lil xulxin fil-Kosovo, l-inkwiet ma jaqta’ qatt fl-eks repubblika tas-suppost eks Unjoni Sovjetika li jiena insostni li għadha teżisti taħt forma differenti. Hekk ukoll għadha teżisti l-problema tal-Lhud f’arthom u dik tal-Palestinjani li għadhom barranin f’pajjiżhom.
L-iżbark tal-Alleati kellu jservi biex qatt aktar id-dinja ma terġa’ jkollha gwerra globali oħra. Għalhekk twaqqfet il-Ġnus Magħquda propju biex isservi t’arena ta’ diskussjoni u diplomoazija u suppost biex min hu b’saħħtu ma jiħux il-liġi b’idejh. B’dan kollu ftit anqas minn 15-il sena wara fil-kriżi ta’ Kuba kienet se tfaqqa’ waħda kbira nukleari. Ġiet skansata bi żbrixx. Illum l-armamenti huma aktar sofistikati u devastanti. Il-bniedem ma kellux il-ħila wara żewġ gwerer daqstant kbar joħroġ sistema ta’ diżarm mhux biss tat-telliefa iżda anke tar-rebbieħa.
L-industrija tal-armamenti bil-kuntrarju rvillat. Parti minħabba l-biża’ ta’ xi gwerra oħra iżda l-aktar għaliex din l-industrija saret skop għall-profitt fiha nnifisha daqs industrija li tipproduċi l-karozzi. Ma tridx tkun xi għaref biex tintebah li meta l-imħażen ta’ min ibiegħhom dejjem tinqala’ xi gwerra x’imkien! L-iżbark ta’ eluf ta’ suldati fuq ix-xatt ta’ Franza laħaq l-iskop tiegħu biex Hitler jispiċċa, iżda l-iskop veru ta’ dawk li mietu għadu jrid jintlaħaq.
Għalkemm huwa minnu li mill-1945 ’l hawn qatt ma kien hawn gwerra f’sens dejjaq tal-kelma mondjali, id-dinja xorta ma waqfitx mill-ġlied. Kellna gwerra oħra kbira għaddejja bl-intermedjarji. Fl-Amerika t’Isfel, fil-Kontinent Afrikan, fl-Asja u issa fil-pajjiżi Għarab u l-Lvant Nofsani l-gwerer ma qatgħu qatt. Gwerer li dejjem seħħew il-parti kbira tagħhom b’armamenti maħduma fil-pajjiżi fejn suppost jgħożżu d-demokrazija.
Meta kont qiegħed nara ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ D-Day fuq il-kosta ta’ Franza u rajt id-dinjitarji fuq quddiem b’dak il-wiċċ rispettabbli u dinjituż, ħassejt ċerta qrusa storika. Filwaqt li kienu qegħdin jiċċelebraw il-miġja tal-paċi u ħelsien fid-dinja, dawk l-istess dinjitarji u ta’ qabilhom minn meta spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija ma waqfux taħt skuża jew oħra jiffomentaw l-inkwiet. Issa bl-iskuża tad-demokrazija. Issa bi skuża ta’ xi ħażna kbira ta’ armi kimiċi issa għal ħaġa jew oħra xorta għadhom jagħtu bis-sieq lil xulxin minn taħt il-mejda.
D-Day kellna taħbat ukoll ma’ anniversju ieħor lokali. Is-Sette Giugno. Għandu xebh mal-iżbark tal-Alleati fi Franza għaliex b’mod għal kollox differenti kien ukoll iż-żerriegħa tal-Ħelsien ta’ pajjiżna mill-preżenza tal-barrani. Kienet il-bidu ta’ mixja twila li waslet għall-Indipendenza fl-1964. Iżda anke hawn wieħed irid jistaqsi jekk meta ħlisna mill-barrani twikkejniex b’ieħor. Kemm meta ma konniex u kif ukoll meta aħna membri tal-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea fiha nnifisha huwa kunċett tajjeb ħafna. Kien hemm diversi proġetti oħra qabel. Kostantinu ried jintroduċi sistema waħda ta’ liġijiet u munita waħda. Flok l-ewro, s-“Solidus” minn fejn ġejja l-kelma sold. Warajh Karlu Manju ried joħloq imperu wieħed taħt kuruna waħda taħt liġi waħda. Napuljun ried Ewropa waħda taħt liġi waħda. Fil-fatt il-kodiċi ċivili li kważi ssibu kullimkien huwa monument ħaj għalih. Anke Adolf Hitler bil-ġenn kollu tiegħu, kellu din il-ħolma ta’ Ewropa waħda taħt il-Ġermanja.
Jiġifieri l-proġett Ewropa waħdu huwa proġett li ilu ġej taħt forma jew oħra. Iżda l-falliment ta’ dawn il-proġetti dejjem kienet l-attitudni ta’ min ħolmu: li l-pajjiżi Ewropej isiru kollha l-istess f’kollox. Ħaġa li hija impossibbli minħabba d-diversità tal-pajjiżi Ewropej. Għalkemm illum l-Unjoni Ewropea tippromwovi d-diversità, fir-realtà dan mhux qed isir.
Saret ossessjonata li trid tirregola sal-inqas ħaġa li tolqot il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Saret tfassal liġijiet tal-istess daqs għal kulħadd, meta mhux kulħadd għandu l-istess realtajiet ekonimiċi, storiċi u kulturali. Ftit ftit qiegħda ssir Ewropa anqas rappreżentattiva. Id-deċiżjonijiet ta’ veru mhumiex f’idejn min huwa elett demokratikament iżda f’idejn teknokratiċi, ministri u uffiċjali li mhumiex rappreżentattivi tar-rieda tan-nies. Forsi għalhekk il-bruda elettorali kull meta jaslu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Ftit ftit l-Unjoni Ewropea qiegħda ssir bħal dawk li ġew qabel bi proġetti ta’ Ewropa waħda. Jiena nemmen li dan il-proġett jista’ jseħħ. Iżda jekk dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet mhux se jintebhu li l-Unjoni Ewropea trid issir aktar rappreżentattiva, aktar pragmatika u sensittiva għall-pajjiżi individwali u li triq għall-Ewropa Federata għandha t-trabokki storiċi tagħha, hemm possibbilità li jkun hemm diżappunti kbar.
Politiċi bħal Marine Le Pen u Nigel Farage qegħdin jirkbu tajjeb fuq dan is-sentiment. Ma nħallux dak li ġara f’D-Day jisfaxxa u ma jservi għalxejn.

More in Blogs