Is-Surġent tal-Pulizija Ryan Mifsud Schembri jibda llum il-vjaġġ tiegħu lejn Everest Base Camp u Kala Patthar, sfida fiżika li qed jagħmel b’risq il-vittmi tat-terroriżmu madwar l-Ewropa.
Mifsud Schembri, li jaħdem fil-qasam tal-Counter Terrorism u huwa seconded national expert mal-European Counter Terrorism Centre tal-Europol, qed juża t-trek biex jiġbor fondi għal Victim Support Europe’s Terrorism Response Network.
Skont il-pjan tat-trek, il-vjaġġ jibda minn Kathmandu qabel titjira lejn Lukla, minn fejn tibda t-telgħa lejn Phakding, Namche Bazaar u aktar tard Dingboche u Lobuche.
Il-pjan jinkludi wkoll jiem ta’ mistrieħ u akklimatizzazzjoni biex il-ġisem jadatta għall-altitudni dejjem tikber.
Mifsud Schembri mistenni jasal Everest Base Camp, f’altitudni ta’ 5,364 metru, madwar id-disa’ jum tat-trek, qabel ikompli lejn Kala Patthar, l-ogħla punt tal-vjaġġ tiegħu b’altitudni ta’ madwar 5,600 metru.
Minn hemm jibda l-vjaġġ lura, b’inżul gradwali lejn Lukla qabel ir-ritorn lejn Kathmandu.
Fl-aħħar ġimgħat, Mifsud Schembri kien qed jipprepara b’taħriġ speċifiku fuq is-saqajn, id-dahar u l-core, kif ukoll b’ħafna mixi u taħriġ fuq it-tlajja’. Huwa kien qed juża wkoll altitude mask biex jipprepara għal kundizzjonijiet fejn l-ossiġnu jkun ferm inqas minn dak fil-livell tal-baħar.
Għalih, iżda, il-vjaġġ imur lil hinn minn kisba personali. Huwa qal li l-għan huwa li jfakkar li wara kull attakk terroristiku hemm vittmi, familji u komunitajiet li jibqgħu jgħixu bil-konsegwenzi ħafna wara li l-attenzjoni tal-midja tkun imxiet fuq storja oħra