Imut l-attur Joe Gatt fl-età ta’ 86 sena

Figura magħrufa fit-teatru u t-televiżjoni Maltin għal aktar minn ħames deċennji, Gatt jibqa’ mfakkar għal produzzjonijiet bħal SimpatiċiIl-Madonna taċ-Ċoqqa u Ipokriti

Tħabbret il-mewt tal-attur Joe Gatt fl-età ta’ 86 sena, wara karriera ta’ aktar minn ħames deċennji fit-teatru, it-televiżjoni, ir-radju u l-mużika.

Imwieled fit-13 ta’ Ġunju 1940, Gatt bena karriera wiesgħa fuq il-palk u l-iskrin, u sar magħruf l-aktar għall-partijiet tiegħu f’SimpatiċiIl-Madonna taċ-Ċoqqa u Ipokriti.

Huwa ħa sehem ukoll f’diversi produzzjonijiet teatrali, fosthom In-Neputija tal-KappillanMin Qatel il-Kunjata? u Bejn Dallas u Dynasty. Gatt kiteb ukoll is-serje televiżiva Għeruq, li fiha deher bħala attur.

Lil hinn mir-reċtar, Gatt kellu wkoll karriera fil-mużika. Fl-1963 rebaħ il-Malta Song Festival bil-kanzunetta L-Għanja ta’ Mħabbitna, u matul is-snin ħa sehem f’diversi festivals kemm bħala kantant kif ukoll bħala awtur.

Il-ħidma kreattiva tiegħu kienet tinkludi wkoll kitba għar-radju, fosthom rumanzi għal Radju tas-Solidarjetà u l-Ħbiberija. Fost ix-xogħlijiet tiegħu hemm Mill-Jasar għall-ĦelsienKtejjeb ĊkejkenKien Jum Bħal Dan u Mhux Jien Mamà!.

Gatt iżżewweġ fl-1966 u romol fl-2015. Huwa ħalla warajh tlett itfal u disa’ neputijiet.

Matul ħajtu serva wkoll bħala kunsillier fil-Mosta, il-lokalità tiegħu.

F’messaġġ ta’ tislima fuq Facebook, waħda min-neputijiet tiegħu fakkritu mhux biss għall-karriera tiegħu, iżda fuq kollox bħala nannu maħbub.

Hija qalet li filwaqt li ħafna kienu jafuh bħala “Charlie” jew “Giovann” mit-televiżjoni Maltija, għall-familja kien “Nannu Joe” — persuna b’talent kbir iżda, fuq kollox, parti insostitwibbli mill-familja.

In-neputija fakkret ukoll l-aħħar żifna li kellha miegħu waqt it-tieġ tagħha, u ddeskrivietha bħala waħda mill-aktar memorji għeżież li se tibqa’ ġġorr magħha.

Il-funeral ta’ Joe Gatt se jsir fil-Knisja Parrokkjali tal-Mosta fil-21 ta’ Settembru fis-7.30am.

More in Socjali