Surġent Malti lejn l-Everest b’missjoni għall-vittmi tat-terroriżmu

Surġent Malti qed iħejji ruħu għal mixja lejn Everest Base Camp u Kala Patthar biex iqajjem kuxjenza u jiġbor fondi b’risq il-vittmi tat-terroriżmu madwar l-Ewropa 

Is-Surġent tal-Korp tal-Pulizija Ryan Mifsud Schembri qed iħejji ruħu għal sfida fiżika u personali mhux tas-soltu: mixja lejn Everest Base Camp u Kala Patthar, li se jwasslu sa altitudni ta’ madwar 5,600 metru. 

Iżda għal Mifsud Schembri, din l-isfida mhix biss xewqa personali li ilu jġorr miegħu. Huwa ddeċieda li jagħtiha tifsira aktar profonda billi jużaha biex iqajjem kuxjenza dwar il-vittmi tat-terroriżmu u jiġbor fondi b’risq Victim Support Europe’s Terrorism Response Network. 

Mifsud Schembri jaħdem fil-qasam tal-Counter Terrorism u huwa wkoll seconded national expert mal-European Counter Terrorism Centre tal-Europol. 

Huwa spjega li proprju l-isfond professjonali u akkademiku tiegħu f’dan il-qasam kien wieħed mill-fatturi ewlenin li wassluh biex jgħaqqad din l-isfida ma’ kawża relatata mal-vittmi tat-terroriżmu. 

Għalkemm il-vjaġġ lejn l-Everest kien ilu xewqa personali tiegħu, ried li l-esperjenza tmur lil hinn minn sempliċi kisba personali. 

“Jekk nista’ ngħin lil ħaddieħor b’xi mod, mhu se jiswieni xejn billi nipprova ngħin,” qal. 

Hu għażel li jappoġġja lil Victim Support Europe peress li kien diġà konxju tal-ħidma tal-organizzazzjoni u tal-appoġġ li tagħti lill-persuni milquta mit-terroriżmu. 

Skont Mifsud Schembri, filwaqt li attakk terroristiku ħafna drabi jiġi rrappurtat bħala episodju ta’ terrur u vjolenza, warajh tibqa’ realtà ferm usa’ li ma tintemmx mal-ewwel rapporti fil-media. 

Huwa rrimarka li wara kull attakk hemm mhux biss il-vittma diretta, iżda wkoll familji, ħbieb, xhieda u komunitajiet sħaħ li jistgħu jibqgħu jġorru l-konsegwenzi għal żmien twil. 

Għalih, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-inizjattiva huwa proprju li din ir-realtà tibqa’ tingħata attenzjoni. 

“Għalkemm storja oħra fil-midja tista’ tieħu post dik ta’ qabilha, ir-realtà tal-vittmi tibqa’ għaddejja,” spjega. 

Intant, il-preparazzjoni għall-vjaġġ lejn Everest qed jitlob taħriġ speċifiku u dixxiplina kbira. 

Mifsud Schembri qal li qed jiffoka kemm fuq l-eżerċizzju fiżiku kif ukoll fuq id-dieta, iżda l-għan tiegħu mhuwiex li jżid il-massa tal-muskoli, peress li piż żejjed jista’ jkun żvantaġġ f’altitudni għolja. 

Minflok, qed jaħdem fuq gruppi ta’ muskoli kruċjali għat-trek, fosthom is-saqajn, id-dahar u l-core, filwaqt li qed jagħmel ħafna mixi u taħriġ marbut mat-tlajja’. 

Parti oħra mill-preparazzjoni tiegħu tinkludi l-użu ta’ altitude mask, biex jadatta ruħu għal kundizzjonijiet b’inqas ossiġnu. 

F’altitudni ta’ madwar 5,600 metru, il-livell disponibbli ta’ ossiġnu jkun ferm inqas minn dak li persuna tkun imdorrija bih fil-livell tal-baħar, u għalhekk l-adattament fiżiku u mentali huwa element importanti ħafna f’din it-tip ta’ sfida. 

Permezz ta’ dan il-vjaġġ, Mifsud Schembri qed jittama li mhux biss jilħaq għan personali importanti, iżda wkoll li jwassal messaġġ usa’: li wara l-aħbarijiet dwar it-terroriżmu hemm vittmi u familji li l-esperjenza tagħhom tkompli ħafna wara li l-attenzjoni tal-midja timxi fuq storja oħra. 

L-inizjattiva qed isservi wkoll bħala mezz biex jinġabru donazzjonijiet b’risq Victim Support Europe’s Terrorism Response Network, li taħdem biex tassisti u tappoġġja lill-vittmi tat-terroriżmu madwar l-Ewropa. 

 

More in Socjali