Il-banda: Il-ħoss tal-festa Maltija
Minn barra tidher bħala marċ, nota mużikali jew programm fil-pjazza. Iżda wara kull banda hemm storja ta’ sagrifiċċju, volontarjat u komunità li taħdem is-sena kollha biex iżżomm ħajja waħda mill-aktar tradizzjonijiet għeżież tal-kultura Maltija
minn Jaelle Borg
Meta wieħed jaħseb fil-festa Maltija, mill-ewwel jiġu f’moħħu l-armar, in-nar, il-purċissjoni u l-marċi. Iżda l-banda mhijiex sempliċement il-mużika li takkumpanja dawn il-mumenti. Hija istituzzjoni li għal aktar minn seklu serviet bħala skola tal-mużika, ċentru soċjali u spazju fejn ġenerazzjonijiet sħaħ sabu sens ta’ appartenenza. Illum, minkejja l-isfidi tal-volontarjat u r-realtajiet moderni, il-baned għadhom jokkupaw post ċentrali fil-festi Maltin u fil-ħajja ta’ bosta komunitajiet.
Għal Rudy Sammut, bandist, Viċi Segretarju, Band Leader fi ħdan is-Soċjetà San Pio Għaxra ta’ Ħal Lija, il-vjaġġ tiegħu beda minn età żgħira ħafna.
“Ta’ sitt snin bdejt nattendi t-tagħlim fil-każin u ftit wara ngħaqadt mal-banda bħala bandist. Minn meta kont żgħir il-banda dejjem kienet xi ħaġa li tressaqni qrib tagħha u timlieni bil-gost,” jgħid.
Dak li beda bħala passjoni ta’ tifel illum inbidel f’responsabbiltà kbira. Sammut jispjega li llum iħares lejn il-banda minn perspettiva differenti.
“Il-banda tfisser xogħol, u ħafna xogħol, iżda ma’ dak ix-xogħol hemm is-sodisfazzjon li tferraħ lill-oħrajn u li toħloq tbissima fuq wiċċ in-nies.”
Din il-ħidma, iżda, tmur ferm lil hinn minn dak li jara l-pubbliku waqt il-festa.
“Il-preparamenti jibdew xhur, u xi kultant sa sena qabel. Jintgħażlu l-mużiċisti, tiġi ppjanata t-tema tal-programm, naraw x’mużika għandna fl-arkivju, jekk hemmx bżonn arranġamenti jew kompożizzjonijiet ġodda, jitqassmu l-partituri u jsiru numru ta’ provi biex jitla’ xogħol professjonali kemm jista’ jkun.”
Anke għall-marċi, jispjega, il-preparamenti jinkludu xogħol loġistiku bħal preparazzjoni tal-uniformijiet, il-libretti, u kull dettall ieħor meħtieġ biex jinħoloq dak il-briju tant mistenni.
Iżda x’inhi tassew il-banda għal min jgħixha kuljum?
“Il-banda hija wieħed mill-pilastri li tinbena fuqhom il-festa. Bla nar, bla armar, bla knisja jew bla banda m’għandekx festa. Anke jekk wieħed biss minn dawn ikun nieqes, il-festa ma tkunx l-istess.”
Skont Sammut, il-banda hija wkoll il-vuċi emozzjonali tal-festa.
“Il-banda hija l-istorbju u l-kant tal-festa. Kull raħal għandu l-innu tiegħu. Meta jindaqq tara r-raħal kollu jqum ikanta flimkien, u kultant tara wkoll id-dmugħ jinżel minn għajnejn in-nies. Dik hija l-qawwa tal-mużika — tqanqal emozzjonijiet kbar.”
Perspettiva simili, iżda aktar wiesgħa, jagħtiha Mro Andrea Cassar Cardona, Surmast Direttur tal-Banda Madonna ta’ Fatima Msida–Pietà u edukatur.
Il-vjaġġ tiegħu wkoll beda fit-tfulija.
“Kelli ħames snin meta missieri ħadni nitgħallem fil-Każin San Pio X ta’ Ħal Lija. Minn dejjem kienet taffaxxinani l-banda, b’mod partikolari l-flawt. Grazzi għall-perseveranza tal-għalliema tiegħi, ta’ missieri u tad-dirigenti tal-każin bdejt nistudja u eventwalment bdejt indoqq ma’ diversi baned f’Malta u Għawdex.”
Minn hemm il-vjaġġ tiegħu kompla bħala għalliem, assistent surmast u eventwalment Surmast Direttur.
“Huwa privileġġ kbir li tmexxi banda Maltija. Inħossni kburi li nkun parti fit-tmexxija ta’ tim sabiħ u enerġetiku li jagħmel ħafna sagrifiċċji biex jirrappreżenta aspett importanti tal-wirt intanġibbli tagħna — il-festa.”
Għalkemm il-baned jeżistu f’ħafna pajjiżi, Cassar Cardona jemmen li dawk Maltin għandhom karatteristiċi uniċi.
“Il-każin tal-banda mhuwiex biss skola ta’ tagħlim mużikali, iżda wkoll skola tas-snajja’. Jekk tħares lejn ħafna mill-ismijiet il-kbar fix-xena mużikali Maltija, ħafna minnhom bdew il-vjaġġ tagħhom proprju f’każin tal-banda.”
Huwa jfakkar ukoll li lil hinn mill-mużika hemm ingredjent li ma jistax jitkejjel.
“Hemm ingredjent speċjali — l-imħabba. Il-volontarjat naqas, iżda l-imħabba tibqa’. X’inhi jekk mhix imħabba li persuna tqatta’ sigħat taħseb kif se tgħaqqad banda għal diversi servizzi jew kif se ttejjeb it-tagħlim u l-kunċerti?”
Wieħed mill-argumenti li jqajjem hu jekk il-baned għadhomx jiġbdu liż-żgħażagħ.
Sammut jemmen li l-interess għadu hemm.
“Il-volontarjat naqas, iżda l-interess fit-tagħlim tal-mużika għadu preżenti. Jiena ngħallem f’żewġ każini u għandi madwar 20 tifel u tifla li jattendu għat-tagħlim.”
Cassar Cardona jmur pass lil hinn u saħansitra jiddeskrivi ż-żmien li għaddejjin minnu bħala wieħed promettenti.
“Nemmen li qegħdin fis-snin tad-deheb. Hemm ħafna opportunitajiet ġodda permezz tal-Għaqda Każini tal-Banda, il-Kunsill Malti għall-Arti, fondi Ewropej u inizjattivi oħra. Naraw żgħażagħ mhux biss jitgħallmu l-mużika, iżda jieħdu sehem fl-armar, fl-għaqdiet taż-żgħażagħ u jħajru tfal oħra jibdew dan il-vjaġġ.”
Madankollu, il-ħidma ma tkunx nieqsa mill-isfidi.
Cassar Cardona jispjega li d-domanda għall-mużiċisti qed tikber, filwaqt li n-numru tagħhom jibqa’ limitat.
“Mhux dejjem ikun faċli li żżomm il-livell mużikali li tixtieq meta l-istess mużiċisti jkunu meħtieġa f’diversi baned, orkestri jew fis-servizz tagħhom. Barra minn hekk hemm ukoll il-ħtieġa li nibqgħu nagħtu aktar importanza lis-saħħa mentali u lill-ġestjoni tal-istress ta’ dawk li jmexxu l-formazzjonijiet mużikali.”
Minkejja dawn l-isfidi, iż-żewġ intervistati jaqblu fuq punt wieħed: il-banda hija ħafna aktar minn passatemp.
“Il-baned huma parti kbira mill-identità Maltija,” jisħaq Sammut. “Il-każini ma jaħdmux biss fi żmien il-festa. Huma jaħdmu s-sena kollha permezz tat-tagħlim, servizzi mużikali u attivitajiet oħra. Bil-ħafna ġid li jagħmlu juru kemm aħna l-Maltin kapaċi nieħdu gost, imma fuq kollox kemm hawn talent f’dan il-pajjiż ċkejken.”
Meta mitlub jagħżel kelma waħda biex tiddeskrivi l-banda Maltija, Cassar Cardona għażel il-kelma:
“Tiżwiqa.”
“Il-banda Maltija kapaċi tferraħ u kapaċi tbikki. Tkun hemm fil-festa, fit-tieġ u tkun hemm ukoll fil-funeral. Kapaċi ddoqq l-isbaħ marċ Malti u kapaċi tippreżenta programm daqs orkestra ta’ barra. B’riżorsi umani limitati, toħloq tiżwiqa ta’ mirakli. Tilqa’ lil kulħadd biex flimkien nagħmlu tiżwiqa mużikali bl-isbaħ melodija – il-melodija tal-kultura Maltija.”
Forsi proprju f’dik it-“tiżwiqa” tinsab ir-raġuni għaliex il-banda tibqa’ waħda mill-aktar simboli ħajjin tal-festa Maltija. Mhijiex biss il-ħoss tal-istrumenti jew il-marċi li jimlew it-toroq, iżda l-istorja ta’ nies li, b’ħafna volontarjat u dedikazzjoni, jaħdmu s-sena kollha biex tradizzjoni li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra tibqa’ tgħix. U kif ifakkar Mro Andrea Cassar Cardona, dan kollu ma jkunx possibbli mingħajr il-kontribut tan-nisa, l-irġiel u l-familji tagħhom, li spiss jaħdmu minn wara l-kwinti biex il-mużika tal-banda tibqa’ tinstema’ fil-qalba tal-komunitajiet Maltin.
F’epoka fejn ħafna tradizzjonijiet qed jinbidlu, il-banda tibqa’ tinstema’ bħala l-melodija li tgħaqqad il-passat mal-preżent. Kull nota, kull marċ u kull programm mużikali huma xhieda ta’ komunità li għadha temmen fil-valur tal-għaqda, tal-identità u tal-festa Maltija. Għax kif juru kemm Rudy kif ukoll Mro Andrea, il-banda mhijiex sempliċement parti mill-festa — hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-festa tibqa’ tgħix fil-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi.
