Numru ta' għaqdiet qed iħeġġu lill-pubbliku biex joġġezzjona għal politika li tippermetti li d-dwal artifiċjali jfixklu l-ekosistema fid-Dwejra.
Fi stqarrija, Moviment Graffitti spjega li s-sit ilu protett minn sentenza tal-Qorti tal-Appell tal-2019 li kkonfermat li l-iżvilupp u l-impatti tiegħu fid-Dwejra kienu qed jiksru l-istatus tas-sit bħala Natura 2000 u Dark Sky Heritage Area.
“Dik is-sentenza saħħet il-ħtieġa għal protezzjoni stretta, billi rrikonoxxiet il-valur ekoloġiku, xjentifiku u ta’ konservazzjoni tas-sit, inkluża l-importanza li tinżamm id-dlam naturali,” qalet Graffitti.
Issa, il-gvern qed jipproponi leġiżlazzjoni li tippermetti d-dawl artifiċjali fid-Dwejra, li tmur kontra l-Pjan Lokali ta’ Għawdex u Kemmuna. Dan, skont l-għaqda, jagħmel parti minn mudell tal-gvern li jintroduċi liġijiet ġodda biex jilleġalizza ksur minflok jikkoreġih.
Graffitti spjega li l-permess tad-dawl artifiċjali fid-Dwejra jiddisorjenta l-għasafar tal-baħar u jdgħajjef il-kwalitajiet stess li ġġustifikaw il-protezzjoni tad-Dwejra mill-bidu nett.
“Moviment Graffitti, flimkien ma’ organizzazzjonijiet ambjentali, tal-wirt u xjentifiċi oħra, qed isejjaħ biex il-liġi tirrifletti dak li diġa' ġie kkonfermat mill-politika tal-ippjanar u mill-qrati: id-Dwejra trid tibqa’ mudlama minn nżul ix-xemx sa tlugħ ix-xemx, mingħajr ebda eċċezzjoni.”
Il-pubbliku ġie mħeġġeġ jibgħat l-oġġezzjonijiet tiegħu fuq [email protected] sa 3 ta’ Marzu 2026 u jżomm [email protected] fil-kopja.
“Id-dwal fid-Dwejra għandhom jibqgħu mitfija bejn inżul ix-xemx u tlugħ ix-xemx, u m’għandhomx jitħallew mixgħulin sa nofsillejl,” qalu l-għaqdiet.