Għamilna jumejn bla rqad, jgħidu s-sajjieda b’reazzjoni għall-maltempata Harry
L-Għaqda Sajjieda Attivi tgħid lill-ILLUM li s-sajjieda qegħdin iħossuhom esklużi mit-tfassil tal-iżvilupp
More in Socjali
L-Għaqda Sajjieda Attivi tgħid lill-ILLUM li s-sajjieda qegħdin iħossuhom esklużi mit-tfassil tal-iżvilupp
L-Għaqda Sajjieda Attivi qalet ma’ din il-gazzetta li l-ikbar inkwiet tas-sajjieda tagħha waqt il-maltempata kienet il-ħsara li setgħet issir lill-opri tal-baħar tagħhom.
Il-maltempata Harry kellha impatt detrimentali fuq Malta, inkluż pixkerija mingħajr ħut lokali hekk kif l-ebda sajjied ma kien se joħroġ f’dak it-tip ta’ temp. Jason Grixti, f’isem l-Għaqda, qal li xi wħud mis-sajjieda sofrew ħsarat fil-bastimenti tagħhom hekk kif il-kobor tal-mewġ li daħal fuq l-art qatta’ biċċiet mill-opri u anke kaxkru l-mażżri tagħhom fejn l-opri tal-injam spiċċaw jaħbtu ma’ xulxin.
“Oħrajn sofrew ukoll telf ta’ affarijiet li kienu abbord u ttieħdu mill-maltemp,” spjega Grixti. Qal ukoll li kien hemm numru ta’ sajjieda li kellhom ħsarat fl-irmiġġi bħal qtugħ ta’ ħbula imma fortunatament ma weġġa’ ħadd.
“Għamilna [is-sajjieda] żewġt iljieli ma rqadniex, kulħadd stand-by fejn qgħadna bl-opri biex kif jinqata’ l-ħabel immorru nirranġaw kif nistgħu temporanjament. F’dawk il-mumenti tara s-sens ta’ komunità fejn kulħadd jgħin lil xulxin sabiex kulħadd iħares l-għejxien tiegħu. Ma ninsewx li l-opra tal-baħar hija l-għejxien tas-sajjied u ta’ familtu,” enfasizza Grixti hekk kif qal li ma kienx hemm alternativa sabiex jevita iżjed ħsara milli sseħħ.
Is-sajjied qal li breakwater adekwat seta’ joffri kenn lill-opri tal-baħar hekk kif ġo kull port is-sajjied spiċċa mgeddes ġo spazji żgħar bejn l-iżvilupp. “Ħu minn Marsaxlokk … m’għandniex post adegwat fejn ittella’ l-opra fuq karru. Imkien,” qal Grixti. Hu fakkar li qabel, is-sajjieda kellhom ix-xatt kollu u issa fadal biss ftit post mas-slip ways tal-parati. Riżultat ta’ dan, hu qal li s-sajjied iħossu eskluż mid-diskussjonijiet u t-tfassil għall-iżvilupp, xi ħaġa li skontu hija evidenti f’Marsaskala, San Ġiljan, fost postijiet oħrajn. Hu qal li talbu lill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett, post fejn itellgħu l-opra tal-baħar u offrielhom nofs il-parkeġġ ta’ fejn il-grawnd hekk kif mhux qed jintuża.
Madankollu, is-sajjieda mal-ewwel irċevew appoġġ hekk kif dakinhar stess filgħaxija Grixti qal li hu stess kien qed jikkuntattja lid-Dipartiment tas-Sajd li offrewlu kull tip ta’ għajnuna li setgħu, hekk kif l-għada l-istess Dipartiment ħabbar li se joħroġ skema ta’ għajnuniet għal dawk li sofrew ħsarat fil-maltemp.
Barra minn hekk, Grixti bagħat korrispondenza lill-Gvern bis-soluzzjoni infrastrutturali għall-portijiet tas-sajjieda li minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom huma esposti għall-maltemp li jonfoħ minn Nofsinhar għat-Tramuntana. “Dan it-temp qatt ma rajna bħalu u żgur mhux se tkun l-aħħar darba li naraw bħalu,” hu wissa. Hu qal li kien hemm laqgħa mal-Ministru Bonett u ma’ Infrastructure Malta fejn l-Għaqda spjegat il-bżonn tal-breakwater. Il-Ministru fehem dan it-tħassib u l-partijiet għandhom jiltaqgħu mal-mejda tad-diskussjoni sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa.