Il-Forti San Salvatore fil-Kalkara se jiġi rrestawrat

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt attivita’ politika li saret f’Bormla

Il-gvern ħabbar illi se jikseb lura u jirrestawra lill-Forti San Salvatore fil-Kalkara wara snin ta’ telqa u abbandun. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt attivita’ politika li saret nhar il-Ġimgħa f’Bormla, fejn qal li l-forti se jinkiseb mill-privat sabiex jiġi rrestarwat bl-għan illi jsir spazju pubbliku miftuħ.

Il-Prim Ministru Abela kien qiegħed jitkellem f’attivita’ sabiex ifakkar is-sitt snin anniversarju mill-bidu tal-irwoli tiegħu bħala Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista. Fid-diskors, huwa sostna li l-forti huwa wirt uniku mitluq illi issa se jintradd lill-familji għall-użu tagħhom.

Qabel ma tħabbret din l-aħbar, l-għaqda non-governattiva Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ħarġet stqarrija flimkien mas-segretarju parlamentari Glenn Beddingfield fejn qalet illi hemm il-bżonn ta’ azzjoni urġenti sabiex il-forti jiġi salvat mill-qerda.

Il-Forti San Salvatore jinsab bejn il-Birgu u l-Kalkara u nbena mill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1724 bħala parti mill-Linji tal-Kottonera. Il-forti serva bħala kamp tal-priġunieri tal-gwerra matul is-seklu għoxrin u ntuża wkoll sabiex jinżammu dawk internati mill-Gvern Ingliż minħabba suspett ta’ simpatiji lejn l-Irredentiżmu Taljan, fosthom Nerik Mizzi. 

Fl-1958, il-Prim Ministru Dom Mintoff beda jikri dan il-forti lill-Pressed Concrete Limited; il-kumpanija ta’ ħuħ Raymond Mintoff; illi bdiet tħallas £100 f’kera kull sitt xhur. Fl-1982, il-forti sar proprjeta’ privata wara li ġie tterminat iċ-ċens.

Fl-2015, għadd ta’ għaqdiet non-governattivi kienu għamlu s-suġġeriment illi l-forti għandu jintuża sabiex jospita kampus għall-Universita’ Amerikana ta’ Malta bħala alternattiva għas-sit taż-Żonqor.

More in Socjali