Ir-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena tal-Maltin
Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ diversi personalitajiet Maltin fuq ir-riżoluzzjoniet tagħhom għall-2026
minn Ilenia Debono
Sandra Gauci
Iċ-Chairperson tal-Partit Aħdar ADPD u għalliema Sandra Gauci rebħet il-qlub ta’ ħafna żgħażagħ fuq il-media soċjali, anke ta’ dawk li ma jaqblux magħha politikament. Fost is-segwaċi tagħha, il-maġġoranza għandhom ammirazzjoni għal Gauci għall-onestà u l-karattru ferrieħi tagħha.
Sandra qasmet mal-gazzetta r-riżoluzzjonijiet tagħha għas-sena d-dieħla li tnaqqas il-ħin minn fuq il-mowbajl, li tinstema’ impossibbli għal influencer li ħafna jkunu qed jistennew il-programm tagħha ABS News.
Riżoluzzjoni oħra ta’ Gauci hija li tiekol iżjed ikel bnin. Din tinstema’ iżjed possibbli, u bl-għajnuna tal-Fish Fridays fl-iskola tista’ ssir realtà.
Arnold Cassola
Il-fundatur u ċ-chairperson tal-Partit Momentum u Professur Arnold Cassola għandu lista ferm itwal u niggieża ta’ riżoluzzjonijiet għas-sena d-dieħla. Din is-sena Cassola flimkien mal-eżekuttiv tal-Partit Momentum kienu fuq l-aħbarijiet diversi drabi.
L-ewwel riżoluzzjoni ta’ Cassola kienet ispirata mill-imħabba ta’ Jason Micallef għall-ġurnaliżmu lokali fejn Cassola qal li jwiegħed li se jwieġeb “no comment” tal-inqas darba sabiex “nara kif inħossni meta nħalli n-nies jistaqsu x’naħseb verament.”
Lil hinn mill-isfera politika, il-bqija tar-riżoluzzjonijiet imissuna iżjed hekk kif fit-tieni riżoluzzjoni Cassola qal li jixtieq ikun aktar paċenzjuż man-nies li huma żbaljati, xi ħaġa li kulħadd jixtieq ikun speċjalment meta tkun imwaħħal fit-traffiku l-Marsa fis-7 a.m. Hu qal li mhux dejjem kien l-iżjed persuna paċenzjuża dawn l-aħħar 40 sena, imma se jipprova.
Fl-aħħar, Cassola qal li se jipprova ma jkunx l-ewwel wieħed fil-kju sabiex jinżel mill-ajruplan. Forsi sabiex ikollu iżjed ħin iċapċap kif l-ajruplan imiss l-art. Sabiex jagħlaq, Cassola qal li mhuwiex ċert kemm se jżomm mar-riżoluzzjonijiet li semma.
Marie Louise Coleiro Preca
Il-President Emeritus u attivista soċjali tkellmet fuq ir-riżoluzzjonijiet tagħa, bl-ewwel waħda li jkun hemm xogħol bla waqfien fuq Ta’ Saura, li qiegħed fil-proċess li jsir empowerment hub għat-tfal mill-Malta Trust Foundation.
“Inħoss taħlita ta’ eċitament u ansjetà pożittiva u sens ta’ għaġla biex nibdew inżidu aktar tfal u żgħażagħ b’diżabilità biex jibbenefikaw mis-servizzi ta’ The Malta Trust Foundation,” esprimiet Coleiro Preca.
Hija qalet ukoll li tixtieq li jkollha aktar ħin biex twettaq dak kollu li hi temmen huwa meħtieġ b’risq it-tfal tal-Mediterran permezz tal-Mediterranean Children’s Movement.
Andre Callus
L-attivist ambjentali Andre Callus, li din is-sena rċieva dottorat fix-xjenzi soċjali honoris causa, qal li r-riżoluzzjoni tiegħi għas-sena d-dieħla huma lijagħraf is-sabiħ u t-tajjeb, bħall-kura u l-imħabba li hemm lest li jagħtu lil ħaddieħor u kif dawn jistgħu jkunu ta’ forza għal bidla pożittiva kemm f’Malta kifukoll fid-dinja.
Hu qal li din ir-riżoluzzjoni qed jagħmilha fid-dawl tal-kuntest kemmxejn negattiv fuq livell mondjali fejn hemm min mejjet għal qatra u min mejjet fis-sakra. Dan kollu riżultat tal-gwerrer, ġenoċidji u r-riħ tal-faxxiżmu dejjem issir iktar u iktar b’saħħtu, spjega Callus.
