Madwar 600 persuna jqattgħu l-Milied flimkien fl-ikla tal-Caritas fil-Kurja

Is-solidarjetà u l-għaqda kienu fil-qofol tal-għaxar edizzjoni tal-ikla tal-Milied ta’ Caritas Malta fil-Kurja tal-Arċisqof, b’mijiet ta’ persuni li huma waħedhom jew fil-bżonn sabu kumpanija u appoġġ f’Jum il-Milied  

Madwar 600 persuna qattgħu Jum il-Milied f’xenarju ta’ solidarjetà u għaqda waqt l-għaxar edizzjoni tal-ikla tradizzjonali tal-Milied organizzata minn Caritas Malta fil-Kurja tal-Arċisqof, fil-Furjana. 

L-attività, li bdiet mill-10.00 a.m. ’il quddiem fil-25 ta’ Diċembru, kienet immirata lejn persuni li huma waħedhom jew li m’għandhomx il-mezzi biex jiċċelebraw il-festi, bl-għan li toffrilhom kumpanija u sens ta’ appartenenza f’dan iż-żmien tas-sena. 

Skont Marica Cassar, li kienet involuta fl-organizzazzjoni, in-numru ta’ dawk li attendew kien laħaq is-600 persuna mistennija. Hija spjegat li “dejjem inħallu ftit spazju għal dawk li forsi ma jkunux ċemplulna minn qabel u jiġu dakinhar stess,” qalet, filwaqt li spjegat li din is-sena ttieħdu miżuri addizzjonali minħabba ż-żieda fl-attendenza. 

Fil-fatt, tinda kbira twaqqfet fil-bitħa tal-Kurja, apparti l-użu tal-kuritur intern, sabiex jiġi milqugħ in-numru akbar ta’ nies. “Min-naħa tagħna kollox kien lest biex nilqgħu lil dawk li għażlu li jqattgħu l-Milied magħna,” żiedet tgħid. 

Il-Vigarju Ġenerali Awżiljarju, l-Isqof Joseph Galea-Curmi, spjega li l-għażla tal-post ma kinitx każwali, peress li l-Kurja hija l-qalba tal-Arċidjoċesi, u għalhekk simbolu ta’ merħba u għaqda. Huwa ddeskriva l-ikla bħala espressjoni konkreta ta’ solidarjetà u sinjal viżibbli tal-impenn tal-Knisja li tilqa’ lil kulħadd. 

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, qal li matul kemm ilhom isiru dawn l-ikliet sema’ bosta stejjer li juru l-impatt emozzjonali tal-inizjattiva. Fosthom, persuna qaltlu li grazzi għal din l-esperjenza reġgħet “ħasset l-imħabba u l-ferħ li ġġib magħha din il-ġurnata sabiħa”. 

L-ikel kollu ġie ppreparat b’mod volontarju mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi, permezz ta’ kokijiet ta’ Vecchia Napoli. Iċ-Chairperson tal-fondazzjoni, Julian Sammut, qal li l-preparazzjonijiet għall-ikla jibdew kmieni ħafna. “Aħna nippreparaw ikel għal madwar 600 persuna, li jinkludi minestra friska tal-ħaxix u dundjan mimli tradizzjonali servut bil-patata u l-ħaxix,” qal Sammut. 

Minbarra l-ikla fil-Kurja, il-fondazzjoni qassmet ukoll sa 500 ikla oħra fid-djar ta’ dawk li ma setgħux jattendu personalment. 

L-inizjattiva kienet possibbli wkoll grazzi għall-appoġġ tal-Fondazzjoni St Peter’s, li pprovdiet l-appoġġ loġistiku, kif ukoll il-kċina tal-President ta’ Malta, li pprovdiet il-ħelu tal-Milied. Il-band X-Tend żiedet mal-atmosfera festiva billi daqqet mużika għal dawk preżenti. 

Caritas Malta rringrazzjat lill-volontiera u lill-entitajiet kollha involuti, filwaqt li saħqet li inizjattivi bħal dawn jibqgħu essenzjali biex ħadd ma jħossu waħdu, speċjalment fi żmien il-festi. 

More in Socjali