Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ċċelebra l-Passing Out Parade ta’ 37 kuntistabbli ġodda li temmew b’suċċess programm ta’ taħriġ intensiv ta’ sitt xhur fl-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati. Il-membri l-ġodda issa jibdew il-vjaġġ tagħhom fil-pulizija, armati b’għarfien, dixxiplina u valuri essenzjali biex jaqdu lill-komunità.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Kummissarju Angelo Gafà ħeġġeġ lill-kuntistabbli biex iżommu d-dixxiplina li kisbu matul it-taħriġ u jfakkru li qed jidħlu f’karriera li titlob impenn, serjetà u sens qawwi ta’ responsabbiltà. Huwa rrimarka li l-Korp qed ikompli jiżviluppa f’professjoni sħiħa, f’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra fosthom l-Università ta’ Malta. Il-Kummissarju enfasizza wkoll l-erba’ valuri ewlenin tal-Korp: imparzjalità, integrità, tmexxija u rispett lejn iċ-ċittadini.
Il-Pulizija spjegaw li matul din is-sena kompla jsir investiment sostanzjali fir-riżorsi umani. Tul l-2025, kienu ingaġġati 125 uffiċjal ġdid, filwaqt li 30 membru preċedenti reġgħu ngħaqdu mal-Korp bħala uffiċjali full-time. Barra minn hekk, ġew reklutati wkoll 64 impjegat ċivili full-time biex isaħħu l-ħidma operattiva u amministrattiva tal-Korp. Wara li ttieħdu inkonsiderazzjoni l-irtirar ta’ membri oħra, il-qawwa totali tal-Korp żdiedet b’160 membru full-time, żieda li l-Pulizija qalu li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tas-servizz pubbliku u s-sigurtà nazzjonali.
Il-Korp żied li l-kuntistabbli l-ġodda issa se jkunu fuq quddiem nett biex jikkontribwixxu għal korp aktar professjonali u effiċjenti, filwaqt li l-investiment kontinwu f’taħriġ u riżorsi jibqa’ prijorità sabiex il-pubbliku jingħata l-aqwa servizz possibbli.