L-MUT tħabbar azzjoni industrijali fuq id-dewmien tal-ftehim tal-Junior College

Il-Malta Union of Teachers tgħid li l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ftehim u l-benessri tal-letturi tal-Junior College mhumiex prijorità għall-gvern

Il-Malta Union of Teachers (MUT) ħabbret tilwima industrijali ġdida mal-Gvern minħabba d-dewmien fit-tlestija tal-ftehim kollettiv għall-Lecturers tal-Junior College tal-Università ta’ Malta.

Fi stqarrija nhar il-Ħamis, l-union qalet li għaddew kważi sentejn minn meta bdew in-negozjati, iżda l-Gvern għadu ma weġibx għall-proposta finanzjarja li l-MUT ressqet fil-bidu tas-sajf.

Il-ftehim preċedenti kien skada f’Diċembru tal-2023, u l-union sostniet li s-sitwazzjoni attwali turi kif “il-ftehim, il-benesseri u t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Lecturers fil-Junior College mhumiex prijorità għall-Gvern u r-rappreżentanti tiegħu.”

L-MUT ikkritikat ukoll “id-dewmien bla ġustifikazzjoni” tan-negozjati u n-nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju li kien ilu mwiegħed għal diversi xhur, tiddeskrivih bħala “inaċċettabbli għall-unjin.”

L-union ħabbret li se tiltaqa’ mal-Lecturers tal-Junior College sabiex taġġornahom dwar is-sitwazzjoni attwali u, wara din il-laqgħa, hija lesta tordna azzjoni industrijali jekk ma jkunx hemm progress konkret fil-jiem li ġejjin.

More in Socjali