L-MDA tilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Gvern biex il-White Rocks jinbidel f’Park Nazzjonali

L-assoċjazzjoni qalet li dan il-proġett għandu jkun mudell ta’ kif art statali abbandunata tista’ tingħata lura lill-komunità 

Il-Malta Development Association (MDA) laqgħet b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern biex is-sit tal-White Rocks jiġi riabilitat u trasformat f’Park Nazzjonali għall-benefiċċju tal-poplu Malti.

Il-Prim Ministru ħabbar li wara snin ta’ abbandun, iż-żona se terġa’ tingħata lura lill-komunità permezz ta’ proġett li jsaħħaħ l-ispazji miftuħa u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja. L-MDA qalet li din id-deċiżjoni tikkonferma l-prinċipju li l-art tal-Gvern għandha tintuża primarjament għal proġetti li jservu l-interess pubbliku.

F’komunikat uffiċjali, l-assoċjazzjoni saħqet li l-proġett ta’ White Rocks għandu jkun eżempju ta’ kif propjetà statali li ma tintużax tista’ tiġi rrestawrata permezz ta’ sħubiji strutturati bejn is-settur pubbliku u dak privat. Din it-tip ta’ kollaborazzjoni, skont l-MDA, tista’ tiggarantixxi li l-park jiġi ppjanat u mmexxi b’mod professjonali, ikun aċċessibbli għal kulħadd u jinżamm f’livell għoli ta’ kwalità u sigurtà.

L-assoċjazzjoni kkonfermat ukoll ir-rieda tagħha li tkompli taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet f’inizjattivi simili li jħarsu l-pajsaġġ urban u kostali ta’ Malta, jippromwovu ppjanar tajjeb, u jservu l-ġid komuni.

Il-proġett ta’ White Rocks ilu snin jitqies bħala waħda mill-akbar opportunitajiet ta’ riġenerazzjoni fil-pajjiż, wara li s-sit kien abbandunat għal bosta snin. Il-pass li ttieħed issa qed jitqies bħala bidu ġdid biex żoni simili jiġu restawrati u ritornati lura lin-nies.

More in Socjali