L-Istituzzjoni tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) kkundannat l-ostakolu ta’ xandir dirett tal-PBS li seħħ ilbieraħ fil-Parlament waqt id-diskors tar-replika tal-Baġit mill-Prim Ministru, wara li deputata tal-Partit Nazzjonalista waqqfet il-kameraman milli jkompli jxandar.
F’komunikat, l-IĠM qal li jifhem li d-diskors tal-Prim Ministru qabeż il-limitu ta’ ħin stabbilit, iżda sostna li “l-att li twaqqaf trażmissjoni diretta u li jsir intervent lil-broadcaster pubbliku huwa inaċċettabbli”.
“Il-politika hija ambjent imqanqal, iżda ma jistax ikun hemm spazju għal mġiba bħal din fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż,” saħaq l-Istitut.
L-IĠM żied jgħid li, jekk kien hemm xi tilwima dwar il-proċeduri parlamentari jew il-ħin tad-diskors, “l-Oppożizzjoni kellha tressaq l-ilment tagħha quddiem l-Ispeaker, mhux tfixkel il-ħidma ta’ ġurnalist jew kameraman li kien qed jagħmel xogħlu”.
L-Istitut appella biex il-libertà tal-midja u l-ħidma tal-ġurnalisti jiġu rispettati dejjem, speċjalment f’sitwazzjonijiet sensittivi bħal dawn li jiġu segwiti mill-pubbliku kollu permezz tax-xandir dirett.
F'kumment fuq X, il-ġurnalist veteran u sid tal-media house MediaToday Saviour Balzan qal li dawn l-inċidenti ma għandhomx ikunu u jfakkru fi ġranet li suppost il-pajjiż ilu li ħalla warajh.