MEYN Energy u l-viżjoni naturali ta’ Matt Cassar

Imnissla minn passjoni personali u mill-esperjenza tiegħu stess bl-ADHD, Matt Cassar qed joħloq rivoluzzjoni fid-dinja tal-energy drinks 

Fid-dinja mgħaġġla tal-lum, fejn l-enerġija saret xi ħaġa li tinxtorob malajr f’ġurnata mimlija impenji, prodott ġdid qed jitfa’ dawl fuq kif nistgħu nżommu l-fokus u l-vitalità tagħna b’mod aktar b’saħħithom. MEYN Energy, il-ħolma ta’ Matt Cassar, mhuwiex sempliċi energy drink bħall-oħrajn. Huwa t-taħlita perfetta bejn saħħa, sostenibbiltà u innovazzjoni naturali — u fuq kollox, proġett b’qalb. 

Meta staqsejna lil Matt x’jagħmel lil MEYN differenti minn dak li hemm fis-suq, weġibna b’ċarezza: 

“MEYN hija ħafna iktar b’saħħitha mill-energy drinks tradizzjonali. Ma fiha l-ebda zokkor miżjud, l-ebda kulur jew preservattiv artifiċjali. Aħna nużaw biss fruit boost, ingredjenti naturali li jagħtu enerġija b’mod ġenwin — bħal kafeina naturali, ginseng, u maca root. Barra minn hekk, ix-xarba tagħna mhix karbonata, u kull ingredjent għandu l-benefiċċju tiegħu. 

Minn esperiment fil-kċina għas suq lokali 

Il-bidu kien sempliċi. “Bdejt nagħmel din ix-xarba fil-kċina tiegħi,” jgħid Matt. “Kont inħallat il-kafeina ma’ juice tal-frott, u ħadmet! Imbagħad bdejt infittex aktar ingredjenti naturali — roots u ħwawar aromatiċi li jipproduċu enerġija nadifa. Wara ħafna provi, wasalt għall-aħjar formula li toffri l-itjeb forma ta’ enerġija.” 

Matt, li jgħix bil-kundizzjoni tal-ADHD, jgħid li l-idea bdiet mill-ħtieġa tiegħu li jsib mod aktar b’saħħtu kif iżomm lilu nnifsu ffukat. 

“Għal nies bħali, stimulanti bħal kafeina jgħinu biex tikkalma, il-kontra ta’ kif jaħdmu fuq ħaddieħor. Imma ridt xi ħaġa li ma tkunx ħażina għas-saħħa — għalhekk ħlomt b’xarba li tagħmel tajjeb lill-ġisem u lill-moħħ. It-taħlita mal-frott ġiet b’mod naturali — ridtha wkoll b’togħma tajba!” 

Għal min hija MEYN? 

Il-marka timmira għal kull min għandu ħajja b’pass magħġġel. “Għandna diversi gruppi,” jispjega Cassar. 

“Dawk li jixorbu energy drinks ta’ spiss. Imbagħad, nies b’ħajja intensa — studenti, tobba, pulizija, ħaddiema ta’ sigħat twal. U ovvjament, atleti. Il-messaġġ tagħna hu ‘Fuel Your Purpose’ — kulħadd għandu l-iskop tiegħu, u MEYN trid tgħin lin-nies jilħqu l-aħjar verżjoni tagħhom infushom.” 

Kwalità u sostenibbiltà  

MEYN tagħti prijorità assoluta lis-sigurtà u s-sostenibbiltà. “Kienet għażla konxja li nipproduċu kollox fl-Ewropa,” jgħid Matt. “Kellna opportunità li nipproduċu barra mill-Ewropa għal prezz irħis, imma ridna l-ogħla standards ta’ kwalità u rispett lejn l-ambjent. Għalhekk għażilna fabbrika fl-Awstrija. Aktar ’il quddiem irridu mmorru għal ippakkjar saħansitra aktar sostenibbli.” 

MEYN mhix biss dwar xarba — hija moviment b’valuri soċjali. Il-marka diġà qed taħdem ma’ ADHD Malta, fejn parti mill-fondi tal-kampanja ta’ crowdfunding marret direttament biex tappoġġja lill-organizzazzjoni. 

“Dan hu importanti ħafna għalija personalment,” jgħid Cassar. “Qiegħed ukoll nikteb PhD dwar kif in-nies b’ADHD jistgħu jidħlu aktar fid-dinja tan-negozju. Barra minn hekk, irridu naħdmu ma’ organizzazzjonijiet bħall-KSU biex noffru alternattiva aktar b’saħħitha lill-istudenti.” 

Kif qed tattira ż-żgħażagħ u konsumaturi ġodda 

“Bħalissa qed nafdaw ħafna fuq il-word of mouth — in-nies li jippruvawha u jitkellmu dwarha. Qegħdin ukoll nisponsorjaw timijiet sportivi u naħdmu ma’ organizzazzjonijiet lokali, speċjalment fl-Università ta’ Malta. Irridu li MEYN tkun parti minn komunità li tgħix b’passjoni.” 

Parir lil min irid jibda n-negozju tiegħu 

Meta staqsejnieh x’jissuġġerixxi liż-żgħażagħ li jixtiequ jsegwu triq imprenditorjali, Matt wieġeb b’onestà: 

“Kull persuna tgħaddi minn proċess differenti. L-ewwel trid tkun taf x’inhuma s-saħħiet u d-dgħufijiet tiegħek. Ma tistax tibni kollox waħdek — jien, pereżempju, ma tantx nifhem fl-amministrazzjoni u l-accounts, allura l-ewwel ħaġa li għamilt kienet li ħaddimt accountant. Trid tagħraf fiex tħossok tajjeb u fiex tħossok dgħajjef, u fejn ikun hemm bżonn titlob l-għajnuna m’hemmx għalfejn tiddejjaq taċċettaha.”  

More in Socjali