Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, żvela li nnomina lill-President Amerikan Donald Trump għall-Premju Nobel tal-Paċi, b’rikonoxximent għall-irwol tiegħu fil-proċess ta’ paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.
Borg qal li ltaqa’ ma’ Trump u ma’ martu fi New York madwar ġimagħtejn ilu, fejn ippreżentalu ittra li kiteb f’ismu personali biex jinfurmah bin-nomina.
“F’din l-ittra, infurmajtu li, bħalma għamlu ħafna oħrajn, jien ukoll nnomnajtu għall-Premju Nobel tal-Paċi,” qal Borg. “Ħeġġejtu wkoll biex ikompli jaħdem favur il-paċi fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna.”
Bħala President tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fl-2024, Borg kien involut b’mod estensiv fil-proċess li wassal għal ftehim ta’ paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan aktar kmieni din is-sena.
Borg esprima sodisfazzjon dwar dak li sejjaħ bħala “impenn dejjem jikber lejn il-paċi madwar id-dinja.”
“Jiena kuntent li qed naraw impenn akbar li qed iressaqna eqreb lejn il-paċi,” żied jgħid Borg.
Din in-nomina tagħmel lil Borg fost dawk li appoġġjaw pubblikament lill-President Amerikan għall-premju prestiġjuż, li kull sena jingħata lil dawk li jkunu kkontribwew b’mod sinifikanti għall-promozzjoni tal-paċi internazzjonali.