Għadd ta’ għaqdiet ta’ studenti esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-abbozzi ta’ liġi u tliet avviżi legali relatati mal-ippjanar li ressaq il-gvern, u wissew li r-riformi proposti se jagħtu setgħa eċċessiva lill-Awtorità tal-Ippjanar.
F’komunikat maħruġ nhar il-Ġimgħa, 17-il organizzazzjoni studenteska sostnew li dawn il-bidliet se jdgħajfu s-superviżjoni parlamentari u l-irwol tal-qrati, filwaqt li jnaqqsu l-importanza tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fid-deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp.
L-istudenti wissew li, jekk jiġu approvati, ir-riformi se jippermettu lill-Bord tal-Ippjanar jinjoraw pjani u politiki eżistenti, filwaqt li jagħmlu aktar diffiċli l-proċess biex jiġu aġġornati dawn il-politiki fil-futur sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet ambjentali tal-pajjiż. Dan, skont huma, se jillimita b’mod sinifikanti l-abbiltà taċ-ċittadini u l-attivisti biex jikkontestaw l-iżvilupp żejjed u jiddefendu l-ambjent.
“Il-konsultazzjoni fuq dawn l-abbozzi ta’ liġi hi bla sens,” qalu l-istudenti, li appellaw lill-gvern sabiex jirtira immedjatament il-liġijiet u l-avviżi legali. Huma talbu wkoll miżuri urġenti biex jiġu sospiżi żviluppi li bħalissa huma suġġetti għal appell pendenti, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ white paper sabiex tinfetaħ konsultazzjoni pubblika usa’ dwar il-viżjoni fit-tul tal-pajjiż għall-iżvilupp.
L-għaqdiet studenteski appoġġjaw ukoll il-protesta nazzjonali organizzata minn koalizzjoni ta’ NGOs li ħa ssir nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru, u ħeġġew lill-istudenti u ż-żgħażagħ jieħdu sehem.
Fost min iffirma din l-istqarrija nsibu l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), l-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL), l-Malta Medical Students’ Association (MMSA), is-Society for Architecture and Civil Engineering Students (SACES), il-Gozo University Group (GUG), kif ukoll numru ta’ organizzazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw dixxiplini li jvarjaw mid-dritt u l-mediċina sal-arkitettura, l-inġinerija, ix-xjenzi u l-umanistiċi.