Il-gvern nieda fetaħ konsultazzjoni pubblika wiesgħa bil-għan li jissaħħu l-liġijiet ambjentali tal-pajjiż, filwaqt li wiegħed li jipproteġi d-drittijiet, it-tradizzjonijiet u l-għajxien taċ-ċittadini.
Il-proċess tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, li saħqu fuq il-bżonn ta’ bilanċ bejn salvagwardji aktar b’saħħithom għall-ambjent u konsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi.
Din l-inizjattiva ġiet imħabbra hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti Private Members’ Bill mill-Oppożizzjoni biex jiddaħħlu emendi kostituzzjonali favur aktar protezzjoni ambjentali. Il-ministri sostnew li bidliet ta’ natura kostituzzjonali jeħtieġu konsultazzjoni estensiva sabiex jinġabru l-opinjonijiet tal-pubbliku u jiġi analizzat b’kawtela l-impatt ta’ kwalunkwe proposta.
Il-pubblikazzjoni tal-Green Paper nhar il-Ħamis turi li l-gvern mhu se jappoġġja l-abbozz tal-Oppożizzjoni, iżda minflok irid jara proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali.
Fil-Green Paper ġiei mfakkar li l-protezzjoni ambjentali diġà hija rikonoxxuta f'kapitlu 2 tal-Kostituzzjoni, iżda jingħad ukoll li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali biex jissaħħu l-governanza u s-sostenibbiltà.
Il-konsultazzjoni tqiegħed għadd ta’ mistoqsijiet għall-kunsiderazzjoni taċ-ċittadini, l-NGOs, in-negozji u l-esperti.
“Nemmen li fejn ikun hemm bżonn għandna nsaħħu l-liġijiet li jipproteġu l-ambjent, u dan se nibqgħu nagħmluh. Imma kull tibdil jeħtieġ konsultazzjoni wiesgħa li tinvolvi lis-soċjetà kollha. Għalhekk qed nistednukom tipparteċipaw f’dan il-proċess,” qalet Dalli, li żiedet li l-gvern irid jisma’ l-opinjonijiet dwar il-prijoritajiet għall-protezzjoni ambjentali, il-parteċipazzjoni pubblika, it-trasparenza u l-viżjoni fit-tul.