Glenn Micallef | Logħba waħda diġà wisq

Glenn Micallef huwa l-Kummissarju Ewropew għaż-Żgħażagħ, il-Kultura, l-Isport u l-Ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet. 

Il-futbol Ewropew postu fl-Ewropa.  

Stqarrija suppost ovvja, iżda li madankollu fl-aħħar ġimgħat qed jitqajmu dubji dwarha minħabba d-deċiżjoni tal-La Liga u s-Serie A li jorganizzaw partiti barra mill-Ewropa. Meta smajt l-argument li mbilli ssir logħba waħda barra l-Ewropa minn 380 partita mhu se jiġri xejn, ma stajtx inkun aktar kontra. Partita domestika waħda barra l-Ewropa diġà hija wisq.  

Mhijiex kwistjoni biss ta’ skedar. Hija kwistjoni ta’ prinċipju, u mhux ta’ ċifri. Il-klabbs tal-futbol huma msejsa fuq il-lealtà u l-impenn tas-sapporters u l-komunitajiet tagħhom, li ħafna minnhom jagħmlu sagrifiċċji personali kbar biex jissapportjawhom jiġri x’jiġri. Li teħdilhom il-kompetizzjonijiet band’oħra mhijiex innovazzjoni, iżda tradiment. 

M’hemmx grupp wieħed ta’ sapporters li jagħżel li jara t-tim tiegħu jilgħab anqas partiti d-dar.  Skont stħarriġ reċenti ta’ The Athletic, aktar minn 80% tas-sapporters kienu kontra li l-logħob ta’ La Liga jsir fl-Istati Uniti, u ħafna semmew “skonnessjoni mill-komunità u t-tradizzjoni” bħala raġuni. L-AFE, l-assoċjazzjoni Spanjola tal-futbolers professjonali wkoll ħarġet kontra din l-għażla, kif għamel ukoll il-kowċ ta’ Como, wieħed miż-żewġ timijiet Taljani involuti f’dan il-każ.  

Il-futbol huwa komunità 

Il-futbol huwa komunità. Naf dan mhux biss bħala politiku, iżda bħala sapporter. Meta kont iżgħar, kont sapporter, imbagħad plejer, imbagħad membru tal-kumitat eżekuttiv tat-tim lokali tiegħi, Żabbar St Patrick. Ir-riżultati tal-klabb kienu r-riżultati tal-komunità sħiħa ta’ raħalna. Meta t-tim kien jirbaħ, it-toroq kienu jkunu miżgħuda bnadar, il-ġirien kienu jiċċelebraw flimkien, u l-organizzazzjonijiet tal-komunità tagħna: reliġjużi, mużikali, u taż-żgħażagħ kienu jinsew id-differenzi ta’ bejniethom u jifirħu flimkien. Il-futbol mhuwiex biss logħba — huwa parti mill-identità tagħna. Huwa parti mill-ġid komuni. 

Miljuni ta’ nies madwar l-Ewropa jaħsbuha bħali. Għalihom, il-futbol huwa dwar sens ta’ appartenenza, li jieħdu lil uliedhom sal-grawnd, li jiltaqgħu mal-ħbieb, u li jaqsmu xi ħaġa ma’ ġenerazzjonijiet oħrajn. Il-futbol mhuwiex sempliċement prodott, u s-sapporters mhumiex biss konsumaturi jew klijenti, iżda parti essenzjali minn komunità. Komunità li mingħajrha, il-futbol Ewropew ma jkunx dak li hu llum.  

Is-sapporters diġà batew biżżejjed 

Għal bosta snin, is-sapporters dejjem spiċċaw ibatu minħabba d-deċiżjonijiet jew kuntratti li jkunu saru. Il-prezzijiet tal-biljetti telgħu, imbagħad telgħu aktar. L-abbonamenti għat-televiżjoni u l-istreaming komplew jogħlew. U madankollu, minkejja l-frustrazzjoni tagħhom, is-sapporters aċċettaw dawn l-inkonvenjenzi u baqgħu leali għall-klabbs tagħhom, fil-maltemp u fil-bnazzi. Jifhmu li l-klabbs tagħhom għandhom bżonn ir-riżorsi biex jibqgħu kompetittivi, u jikkontribwixxu bl-emozzjonijiet u bil-finanzi tagħhom. 

Issa qed jiġu mitluba li jirrinunzjaw xi ħaġa imprezzabbli: id-dritt li jaraw lit-tim tagħhom jilgħab f’daru. U din mhijiex l-ewwel darba. F’xi pajjiżi, xi finalijiet diġà ntlagħbu barra mill-pajjiż. Sapporters li kien ilhom snin twal jistennew biex jaraw lit-tim tagħhom jilgħab f’finali ġew miċħuda minn dan il-mument li jaf jiġri darba biss f’ħajjithom. Barra minn hekk, fl-imgħoddi għadd ta’ liġijiet ippruvaw imexxu logħob domestiku barra mill-pajjiż. 

Ma ndurux mal-lewża: l-unika motivazzjoni wara dan il-pjan hija biss il-qligħ.  

F’dan il-kuntest, importanti ninnutaw li l-futbol Ewropew diġà rrapporta qligħ rekord ta’ €38 biljun fl-istaġun 2023/24, tkabbir ta’ 8% (€35.3 biljun fl-2022/23), skont l-34 Annual Review of Football Finance, ippubblikat mid-Deloitte Sports Business Group. U jekk ir-raġuni wara l-pjan li dawn il-partiti joħorġu barra mill-Ewropa hija l-istabbiltà finanzjarja, jista’ jkollna diskussjoni miftuħa biex insibu soluzzjonijiet li jimxu mal-pilastri tal-Mudell Ewropew tal-Isport: Fil-bidu tas-sena d-dieħla, se nospita diskussjoni madwar mejda dwar il-governanza fil-futbol. 

Il-Mudell Ewropew tal-Isport qiegħed f'riskju  

F'dan il-każ, huwa l-Mudell Ewropew tal-Isport innifsu li qed jiġi pperikolat.  

Il-Mudell Ewropew tal-Isport huwa msejjes fuq klabbs b’saħħithom, bl-għeruq tagħhom fil-komunità. Mingħajr il-komunità, il-mudell jikkollassa. Li l-logħob tal-league domestiku jittieħed barra mill-Ewropa jimmina l-qalba tal-futbol Ewropew. L-aspett territorjali tal-kompetizzjonijiet huwa prinċipju fundamentali.  

Dan huwa l-ewwel eżami għall-governanza tal-isport mis-Super League ’l hawn. Is-sapporters kellhom raġun dakinhar, u għandhom raġun issa: il-futbol huwa tagħhom. Kieku dan kien il-klabb lokali tiegħi, kont inkun fost tal-ewwel li nipprotesta, biex niżgura li dan il-messaġġ jinstema’: dan ma jistax iseħħ. Għax fl-aħħar mill-aħħar, hija sempliċi: il-kompetizzjonijiet Ewropej għandhom jintlagħbu fl-Ewropa.  

M’hemmx oġġezzjoni li kompetizzjonijiet oħrajn isiru barra mill-Ewropa iżda l-partiti tal-leagues domestiċi huma storj’oħra.  

Biex nikkonkludu fuq nota aktar prattika, dan il-każ jagħtina x’nifhmu li hemm bżonn qafas aktar sod biex jillimita inizjattivi motivati mill-kummerċ li jdaħħlu r-riskju li l-kompetizzjonijiet domestiċi jiġu rilokati. Dal-każ joħroġ ukoll il-ħtieġa li jkun hemm aktar ċertezza legali għal deċiżjonijiet li jipproteġu l-integrità u l-bilanċ kompetittiv tal-kompetizzjonijiet, filwaqt li jiġu preservati l-pedamenti kulturali u soċjali li l-isport huwa mibni fuqhom. Bi tħejjija għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Viżjoni Strateġika għall-Isport fl-Ewropa: Insaħħu l-Mudell Ewropew tal-Isport”, f’Settembru se nniedu konsultazzjoni pubblika fuq il-Portal “Have Your Say”. Nittama li tara li ssemma’ leħnek.  

Il-fehma tiegħi ċara: il-futbol Ewropew postu fl-Ewropa. 

More in Socjali