Ħaddiema migranti f’Malta qed jiffaċċjaw livelli “xokkanti” ta’ sfruttament, twissi JRS

Rapport ġdid ta’ JRS Malta żvela sfruttament mifrux tal-ħaddiema migranti f’Malta, u wissa li l-prekarjetà legali qed tħalli ħafna vulnerabbli għal pagi miżmuma, kundizzjonijiet perikolużi u abbuż sistemiku

Rapport ġdid mis-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati (JRS) Malta żvela sfruttament u trattament ħażin mifrux ta’ ħaddiema migranti f’Malta, u wissa li l-prekarjetà legali qed tħalli ħafna vulnerabbli għall-abbuż, id-diskriminazzjoni u anke l-faqar.

Itnediet l-Erbgħa fil-Europe House il-Belt, l-istudju bl-isem Forced to Hide: The Human Cost of Legal Precarity and Labour Exploitation jiddokumenta każijiet ta’ pagi miżmuma, tkeċċijiet inġusti, kundizzjonijiet ta’ xogħol perikolużi, bullying, razziżmu u ksur tal-liġi tax-xogħol.

Il-migranti intervistati rrakkontaw li jgħixu taħt pressjoni psikoloġika kontinwa, mhux biss mill-ambjenti tax-xogħol sfruttanti, iżda wkoll mill-biża’ ta’ rejdijiet tal-immigrazzjoni mmirati anke lejn residenti u ħaddiema fit-tul.

Ir-rapport, ibbażat fuq intervisti ma’ applikanti għall-ażil, applikanti miċħuda, migranti mingħajr dokumenti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi Single Work Permits, juri kif l-ekonomija informali f’Malta toħloq spazju għall-abbuż sistemiku. Ħafna mill-parteċipanti spjegaw li jinsabu maqbuda bejn min iħaddimhom li jisfruttahom u sistemi tal-immigrazzjoni li jiċħduhom minn protezzjoni bażika.

JRS Malta ressqet tliet rakkomandazzjonijiet ewlenin: ir-reintroduzzjoni ta’ mogħdija ta’ regolarizzazzjoni għal migranti fit-tul mingħajr status legali; prijorità għad-drittijiet tal-ħaddiema irrispettivament mis-sitwazzjoni legali tagħhom; u l-ħolqien ta’ spazji ta’ djalogu bejn il-gvern, min iħaddem u s-soċjetà ċivili biex tiġi indirizzata l-isfruttament.

Il-proġett, appoġġjat mill-Platform for International Cooperation on Undocumented Migrants (PICUM) u l-Robert Bosch Stiftung, jinkludi wkoll sensiela ta’ stejjer narrattivi u film qasir animat, Paper Ghosts, li jixħet dawl fuq l-esperjenzi ta’ dawk affettwati.

More in Socjali