Malta għadha taffaċċja sfidi fil-protezzjoni ta’ ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

 Rapport ġdid tal-ODIHR jenfasizza li riformi legali wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom mhux implimentati b’mod sħiħ, filwaqt li ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet f’Malta qed ikunu miri ta’ theddid, intimidazzjoni u diskors dispreġġjattiv, u l-protezzjoni tagħhom tibqa’ insuffiċjenti

Rapport ġdid mill-uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) sab li riformi leġiżlattivi komprensivi wara l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom ma ġewx implimentati b’mod sħiħ.

L-istess rapport jenfasizza li ġurnalisti f’Malta qed isiru miri ta’ “retorika dispreġġjattiva u rimarki ta’ malafama” mill-politiċi, u li x-xogħol tagħhom spiss jitqies negattivament jew jintilef fil-pubbliku.

L-ODIHR, taħt l-OSKE, ġabret osservazzjonijiet minn żjara f’Malta f’Marzu 2023 dwar is-sitwazzjoni tal-Human Rights Defenders (HRDs) kontra l-istandards internazzjonali. Skont ir-rapport, HRDs li jaħdmu fuq governanza tajba, kontra l-korruzzjoni, ma’ refuġjati u migranti, fuq l-ambjent u d-drittijiet sesswali, tas-saħħa u riproduttivi, inkluż ġurnalisti investigattivi, kienu partikolarment immirati minn diskors dispreġġjattiv.

Filwaqt li HRDs li jaħdmu ma’ u għandhom x’jaqsmu mal-komunità LGBTI jidher li kellhom appoġġ mill-awtoritajiet, diversi HRDs irrappurtaw li kienu vittmi ta’ attakki verbali, theddid u intimidazzjoni, b’mara HRDs partikolarment esposti għal diskors ta’ mibegħda sessista u fastidju online.

Xi HRDs qalu li jibżgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom jew jipparteċipaw f’attivitajiet pubbliċi minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni. Ir-rapport jenfasizza wkoll li xi theddid online ma ttieħedx bis-serjetà biżżejjed mill-awtoritajiet.

Il-ġurnalisti f’Malta jaffaċċjaw ukoll kawżi foloz ta’ malafama u libell, li skont ir-rapport huma mfassla biex titwaqqaf il-ħidma tagħhom billi jsofru pressjoni finanzjarja u morali.

Rigward l-aċċess għal informazzjoni ta’ interess pubbliku, HRDs esprimew insodisfazzjon dwar nuqqas ta’ provvista proattiva mill-awtoritajiet. Huma spjegaw li jiffaċċjaw proċessi legali twal u għaljin biex jiksbu informazzjoni miċħuda lilhom, filwaqt li l-qafas tal-protezzjoni għall-informaturi jibqa’ minimament użat minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni.

Ir-rapport jenfasizza li l-awtoritajiet ħadu xi passi, inkluż investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ każijiet individwali u l-introduzzjoni ta’ protokolli ġodda ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-pulizija. Madankollu, hemm tħassib dwar nuqqas ta’ konsultazzjoni ma’ HRDs fl-iżvilupp ta’ strutturi ġodda ta’ protezzjoni.

L-ODIHR tirrakkomanda li Malta għandha tkompli tinvesti f’protezzjoni effettiva għal HRDs u ġurnalisti sabiex jissaħħaħ l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni.

More in Socjali