Transport Malta (TM) ħabbret il-pjan tagħha ta’ ġestjoni tat-traffiku għall-konferenza tas- SiGMA li se ssir fil-Mediterranean Maritime Hub (MMH) f’Marsa bejn l-1 u t-3 ta’ Settembru. Din is-sena l-avveniment se jkun iżgħar minn dak tas-sena l-oħra, iżda xorta waħda qed jiġi stmat li jattendu aktar minn 15,000 persuna. Fl-2023, il-konferenza kienet ġibdet madwar 25,000 ruħ, u ħalliet eluf ta’ kommuntaturi mwaħħlin f’konġestjonijiet fit-toroq.
Fi stqarrija lill-midja, TM spjegat li l-uffiċjali tagħha se jkunu qed jagħmlu ronda regolari fl-inħawi tal-MMH, u se jużaw kemm muturi kif ukoll drones sabiex isegwu t-traffiku u jiżguraw li kollox jimxi bla xkiel. Il-pjan ta’ ġestjoni se jkun imfassal fuq l-aħjar użu possibbli tal-ispazji madwar il-venue sabiex il-fluss tat-trasport jitqassam b’mod effiċjenti.
L-awtorità qed tistenna li l-maġġoranza tal-attendenti se jaslu bil-karozzi tal-kiri jew permezz ta’ apps ta’ ride-hailing. Madankollu, dawn mhux se jitħallew jidħlu fiż-żona ġenerali tal-MMH. Minflok, min juża dawn is-servizzi jkollu jinżel jew jitla’ minn fuq il-pont ħdejn il-flyover ta’ Marsa, fejn se jkun hemm parkeġġ apposta qrib ONE Studios. F’dawn il-punti se jkun hemm uffiċjali tat-TM biex jiżguraw l-ordni.
Karozzi bi xufier privat se jkollhom ukoll żona dedikata fejn jistgħu jniżżlu u jiġbru lill-passiġġieri tagħhom. Din tinsab fil-parkeġġ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Għall-persunal tal-konferenza se jkun hemm parkeġġ dedikat aktar viċin tal-venue.
Fir-rigward tal-coaches u l-mini buses, dawn se jitħallew iwaqqfu lill-attendenti fi Triq tat-Tromba, ħdejn l-ex Marsa Open Centre. Minn hemm, il-parteċipanti se jkollhom mixja ta’ madwar seba’ minuti sal-bibien tal-konferenza.
Min imur bl-hekk imsejħa “white taxis” se jitħalla jinżel direttament quddiem l-uffiċċju tal-passaporti ta’ Identità.
Transport Malta qalet li se jiġu installati sinjali madwar iż-żona biex jiggwidaw kemm lis-sewwieqa kif ukoll lill-parteċipanti. Barra minn hekk, uffiċjali tal-infurzar se jkunu preżenti fil-punti ewlenin tat-tluq u tal-wasla sabiex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni.
Il-pjan għandu l-għan li jevita r-repetizzjoni tal-konġestjonijiet tas-sena l-oħra, u fl-istess ħin jiżgura li l-attendenti tal-konferenza jkollhom aċċess sigur u organizzati lejn l-avveniment.