Tradizzjoni taħt pressjoni: il-festi, in-nar, u l-komunità

Il-logħob tan-nar huwa l-qalb tal-festi Maltin — arti, passjoni, u identità. Iżda f’soċjetà li qed tinbidel, kif nistgħu nħarsu dan il-wirt b’mod li jirrispetta t-tradizzjoni u fl-istess waqt jissodisfa lill-komunità kollha? 

Malta, magħrufa għat-tradizzjonijiet qawwija tagħha, tiltaqa’ kull sajf madwar il-pjazez, it-toroq, u l-knejjes biex tiċċelebra l-festa — mhux biss bħala att reliġjuż, imma bħala espressjoni kulturali u komunitarja. Fost dawn l-espressjonijiet, il-logħob tan-nar jieħu post ċentrali: spettaklu ta’ kulur u ħoss, rifless ta’ ħila u passjoni li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra li għażlu li jkomplu. Iżda hekk kif tiżdied il-popolazzjoni u jinbidlu l-bżonnijiet soċjali, il-mistoqsija sseħħ waħedha: kif inżommu t-tradizzjoni ħajja mingħajr ma ninsew lil min jgħix magħha? 

Ma jistax jiġi mminimizzat l-impenn li jinkludi l-ħidma tal-pirotekniċi Maltin. Il-preparazzjoni għal-logħob tan-nar tinvolvi xhur sħaħ ta’ xogħol metikoluż, taħt kundizzjonijiet stretti ta’ sigurtà. Dan ix-xogħol spiss isir b’mod volontarju minn membri ta’ għaqdiet tan-nar li jaraw fin-nar mhux biss arti, imma parti mill-identità tagħhom. Għal ħafna minnhom, l-isplużjoni ta’ kulur fl-ajru hija l-qofol ta’ sena ta’ dedikazzjoni. 

Madankollu, il-kwistjoni tibqa’: meta u kif għandu jinħaraq dan in-nar?  

X’tgħid il-liġi? 

Skont ir-Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Logħob tan-Nar, li huma amministrati mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), hemm parametri ċari li jridu jiġu osservati. Dawn ir-regolamenti jinkludu: Li kull attività piroteknika trid issir b’permess u taħt kundizzjonijiet speċifiċi, li l-ħinijiet huma limitati u għandhom jiġu segwiti b’mod strett, u li n-nar ma jistax jinħaraq b’mod “sporadiku” jew “frekwenti” barra l-iskeda tal-festa. 

L-Ewwel Skeda tal-istess regolamenti tgħid li fil-jum ewlieni tal-festa jistgħu jinħarqu sa sitt petardi bejn it-7:45 u d-9:00 a.m., u bejn 11:45 a.m. u 12:00 a.m għal massimu ta’ għaxar minuti oħra.  

L-ilmenti minn residenti ma jkunux dejjem dwar il-festa nnifisha, imma dwar it-tul taż-żmien, il-frekwenza, u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni. F’għadd ta’ lokalitajiet, bħalissa qed jitfaċċaw rapporti regolari minn ġenituri ta’ tfal żgħar, anzjani li jitwerwru u jgħixu f’ansjetà, kif ukoll nies li jbatu minn mard kroniku.  

Il-logħob tan-nar huwa parti essenzjali mill-kultura u l-identità Maltija — tradizzjoni li ġiet mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra u li f’ħafna lokalitajiet hija l-qofol tal-festa. M’għandux u ma jistax jiġi mwaqqaf għalkollox, imma lanqas jista’ jitħalla jsir b’mod li joħloq tensjoni jew tbatija fil-komunità. 

Huwa għalhekk li jista’ jiġi implimentat ftehim ċar bejn l-Għaqdiet tan-Nar, il-Kunsilli Lokali u r-residenti — ftehim li jinkludi skeda miftiehma minn qabel dwar il-ħinijiet tan-nar, sabiex kemm il-festa, kif ukoll il-ħajja ta’ kuljum ikunu jistgħu jitkomplew b’mod armonjuż. 

Il-logħob tan-nar jibqa’ simbolu ewlieni tal-festa Maltija — sinjal ta’ ħila artiġjanali, ħidma volontarja u impenn lejn il-wirt kulturali tagħna.  

Hekk kif Malta timxi ’l quddiem bħala pajjiż li jirrikonoxxi d-drittijiet ta’ kulħadd, inkluż il-benesseri mentali, l-ambjent domestiku u l-ħtieġa għall-bilanċ, irridu naħsbu b’mod ġdid. Il-qafas legali jeżisti, imma l-applikazzjoni tiegħu trid tkun ikkaratterizzata minn responsabbiltà u empatija. 

Għax tradizzjoni vera ma tiġix imposta — tiġi mħarsa, miżmuma, u magħmula aktar inklużiva għal kulħadd. 

 

More in Socjali