Jason Azzopardi jappella kontra sentenza ta’ €300 għal disprezz tal-Qorti

 

L-avukat Jason Azzopardu jressaq appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Kriminali li tordnalu jħallas €300 wara li nstab ħati ta’ disprezz lejn il-qorti • L-avukati ta’ Yorgen Fenech jargumentaw li ressaq appell ġurnata tard

L-avukat Jason Azzopardi appella kontra deċiżjoni tal-Qorti Kriminali li kkundannatu jħallas €300 wara li nstab ħati ta’ disprezz tal-qorti, wara li kien allegatament injorat ripetutament ordni tal-qorti li kienet tipprojbixxih milli jikkummenta pubblikament dwar Yorgen Fenech jew dwar il-proċess kriminali tiegħu li għadu għaddej.

L-appell ta’ Azzopardi, li nħareġ filgħodu tat-Tlieta quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali, iffoka fuq il-kwistjoni tat-timing tan-notifika tas-sentenza.

Is-sentenza inħarġet mill-Imħallef Edwina Grima fis-6 ta’ Ottubru 2025, iżda n-notifika uffiċjali lil kull parti saret fit-7 ta’ Ottubru. Il-qorti kienet infurmata li l-avukati ta’ Fenech qalu li l-appell kien intbagħat tard jum, peress li l-perjodu legali biex wieħed jappella huwa fi żmien jumejn mid-data tas-sentenza, skont il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.

L-avukat tad-difiża Arthur Azzopardi, li deher f’isem l-appellant, sostna li minkejja li s-sentenza għandha d-data tas-6 ta’ Ottubru, ma ġietx mogħtija fil-qorti pubblikament, u li n-notifika effettiva saret biss fit-7 permezz ta’ digriet. Huwa argumenta li l-perjodu tal-appell għandu jibda mid-data tan-notifika effettiva, mhux mid-data li tidher fuq is-sentenza.

Arthur Azzopardi żied jgħid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull terminu għall-appell għandu jkun effettiv u jibda mill-mument li l-partijiet ikunu infurmati bid-deċiżjoni. Għaldaqstant, peress li s-sentenza saret magħrufa biss fit-7 ta’ Ottubru, il-perjodu tal-appell skada fid-9, u għalhekk l-appell kien validu u mressaq fil-ħin.

Huwa tenna wkoll li dewmien amministrattiv mir-Reġistratur tal-Qorti fit-trasmissjoni tal-atti ma jistax iċaħħad lill-partijiet mid-dritt tagħhom għall-appell, u li kwalunkwe ineffiċjenza amministrattiva ma tistax tnaqqas minn dritt fundamentali.

Matul is-seduta, l-avukat Charles Mercieca, li qed jidher f’isem Fenech, sostna li skont il-memorja tiegħu il-partijiet kienu ġew notifikati fis-6 ta’ Ottubru. F’dak il-mument, Jason Azzopardi nterrompih bil-qawwa u qallu b’leħen għoli: “Tigdibx, tigdibx!”

Din l-imġiba wasslet għal ammonizzjoni immedjata mill-qorti, bil-Prim Imħallef Mark Chetcuti jintervjeni u jgħidlu:
“Int mhux l-avukat, imma parti fil-kawża. Jew tibqa’ sieket jew titlaq mis-sala.”
Azzopardi mbagħad skuża ruħu mal-qorti.

Wara dan, l-avukati ta’ Fenech ammettew li t-trażmissjoni tan-notifika effettiva saret fit-7 ta’ Ottubru, iżda sostnew li il-liġi tgħid b’mod ċar li t-terminu tal-appell jibda mid-data tas-sentenza, mhux mid-data tan-notifika. Għalhekk, l-appell ta’ Azzopardi kien null, peress li skada fit-8 ta’ Ottubru.

Min-naħa tiegħu, l-avukat tad-difiża reġa’ insista li l-interpretazzjoni restrittiva tal-liġi ma tistax tiċħad id-dritt fundamentali għal appell effettiv, u li l-kalkolu għandu jsir mill-jum tan-notifika.

Il-kawża ġiet aġġornata għall-11 ta’ Novembru, meta l-Qorti se tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar jekk l-appell ta’ Azzopardi kienx ġie mressaq fil-ħin jew le.

More in Socjali