Malta tħeġġeġ għall-paċi u l-istabbiltà waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

Malta ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex tgħolli l-livell tad-djalogu u l-paċi fil-Lvant Nofsani, waqt li enfasizzat l-impatt ekonomiku tal-kunflitt u l-ħtieġa ta’ pjan kontingenti

Ritratt: OPM
Ritratt: OPM

l-Prim Ministru Robert Abela esprima l-pożizzjoni ċara ta’ Malta favur id-djalogu, il-paċi u l-istabbiltà, waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, fejn il-konflitti globali u l-impatti tagħhom fuq l-Ewropa kienu fuq quddiem nett tal-aġenda.

Filwaqt li tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, Abela appella lill-komunità internazzjonali biex taħdem b’aktar impenn favur id-de-eskalazzjoni u tindirizza t-traġedja umanitarja li għaddejja f’Gaża. Huwa wkoll irrikonoxxa t-tbatija tal-familji tal-ostaġġi maqbuda waqt l-attakki tal-Hamas fit-7 ta’ Ottubru 2023.

Il-Prim Ministru wissa li l-kunflitt qed jikkawża konsegwenzi serji fuq l-ekonomija globali, speċjalment fir-rotot marittimi kummerċjali. Għaldaqstant, appella lill-Unjoni Ewropea biex tħejji pjan ta’ emerġenza biex tnaqqas l-impatti ekonomiċi. “Il-gwerer dejjem ipoġġu fil-periklu l-prosperità taċ-ċittadini,” saħaq Abela.

Il-migrazzjoni kienet ukoll punt importanti fid-diskors tal-Prim Ministru. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffu d-diskussjonijiet fuq livell Ewropew, u talab għal aktar koperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini u tranżitu, b’referenza speċifika għal-Libja. Sostna wkoll li huwa essenzjali li dawk li mhumiex eliġibbli għall-ażil jiġu ritornati b’mod effettiv.

Dan is-suġġett ġie diskuss ukoll waqt laqgħa oħra separata ma’ President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u mexxejja oħra tal-UE.

Il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Abela fakkar li taħt il-Presidenza attwali ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, ġie ffirmat ftehim importanti li jistabbilixxi t-Tribunal Speċjali għall-Kriminalità tal-Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Dwar il-kompetittività tal-UE, Malta enfasizzat l-importanza li tissaħħaħ il-konnettività u l-aċċessibilità fis-Suq Uniku. Skont Abela, biex l-Ewropa ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja, trid l-ewwel tiżgura li s-suq intern ikun ċċentrat fuq iċ-ċittadin u jġib benefiċċji konkreti għal kulħadd.

Huwa appella wkoll għal relazzjonijiet ekonomiċi aktar sodi ma’ pajjiżi terzi, partikolarment fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ambjentali u diġitali.

Il-laqgħa laħqet ukoll suġġetti oħra bħas-sitwazzjonijiet fil-Moldova u l-Balkani tal-Punent, filwaqt li t-temi tal-paċi, il-kompetittività u l-kooperazzjoni internazzjonali baqgħu f’qasam ċentrali fid-diskussjonijiet ta’ Malta.

More in Socjali