Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola reġgħet appellat għal waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nofsani, aktar għajnuna umanitarja lill-Gaza, rilaxx immedjat tal-ostaġġi u triq ċara lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-Prim Ministru Daniż Mette Frederiksen, Metsola qalet li s-sitwazzjoni f’Gaza hija “katastrofika”, b’nisa, tfal u rġiel jitilfu ħajjithom kuljum. Hi enfasizzat l-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala l-akbar donatur ta’ għajnuna umanitarja, u saħqet fuq il-ħtieġa li jkun magħruf fejn qed tintbagħat din l-għajnuna u kif qed tasal għand dawk fil-bżonn.
“Bħala l-ikbar kontributur ta’ għajnuna, għandna nistaqsu fejn sejra din l-għajnuna, u kif se tasal għand dawk li verament jeħtieġuha,” qalet Metsola.
Il-President tal-PE semmiet ukoll ir-reviżjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael, u sostniet li l-Parlament Ewropew dejjem ikkundanna u se jkompli jikkundanna l-qtil ta’ ċivili innoċenti. “Qatt ma bejgħna lura milli nistaqsu mistoqsijiet diffiċli, u mhux se nibdew issa. Meta naraw li qed jiġu attakkati nies innoċenti b’mod indiskriminat, aħna nkunu fost l-ewwel li nitkellmu u li nikkundannaw,” qalet Metsola.
Il-Prim Ministru Daniża esprimiet ftehim mal-pożizzjoni ta’ Metsola, u qalet li l-għajnuna għandha tidħol f’Gaza immedjatament, u dan jista’ jsir biss b’waqfien mill-ġlied. Hija żiedet li l-ostaġġi kollha għandhom jiġu meħlusa.
Metsola bħalissa qed tmexxi delegazzjoni f’Copenhagen fil-kuntest tal-preparazzjonijiet għat-tmexxija tad-Danimarka tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li tibda fis-1 ta’ Lulju.
Il-President tal-PE qalet li din il-Presidenza se tibda f’mument kruċjali għall-Unjoni Ewropea, u wriet fiduċja fil-kapaċità tad-Danimarka biex tmexxi l-aġenda Ewropea. “Se nserrħu fuq id-Danimarka biex tmexxi ‘l quddiem. Nilqa’ l-enfasi tagħkom fuq is-sigurtà, il-kompetittività u d-demokrazija,” qalet Metsola.