Pearl Haber, mudella u oħt il-plejer tal-futbol lokali u kunsillier Laburista Justin Haber, ittella’ l-istorja tagħha fuq il-pjattaforma soċjali ta’ Facebook rigward l-abbuż li għaddieha minnu ħuha.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Justin Haber instab ħati li għedded lil oħtu minn fuq il-mowbajl, messaġġ bil-fohom li nxtered mal-midja soċjali lokali.
Hi titkellem fuq kif l-istorja bdiet minn mindu kienu żgħar fejn kien jumilja, jirridokolha u anke jabbuża fiżikament. Hi tgħid ukoll li l-ġenituri tagħha dejjem ħallew kollox għaddej.
“Is-silenzju kien iżjed importanti mill-verita’ fil-familja tagħna.”
Haber taqsam kif fl-2014 kollox escala meta ma ġabitlux xi ħaġa u ppruva jifgaha, imbagħad hija ġġielditlu. Hi qalet kif meta waslu quddiem il-qorti, hu rredikola s-sitwazzjoni u qal li kienet iżjed isa ċajta.
“Meta rrappurtajtha, ġenituri tiegħi keċċewni mid-dar,” qalet, u żiedet li ommha talbitha tħallilha ċ-ċwievet tad-dar. Is-sitwazzjoni waslieta f’stat ta’ dipressjoni, imma Pearl tgħid li għamlet minn kollox biex tibni ħajjitha mill-ġdid.
Imbagħad f’Jannar 2025, Pearl tgħid li rċeviet dak il-messaġġ bil-fohom mingħajr provokazzjoni. U xahrejn wara, ħareġ filmat tagħha fuq il-midja soċjali. “Din mhix drama. Dan mhux każ iżolat. Din hija realtà. U jien ma għadnix se noqgħod siekta.”
Hija tiddeskrivi wkoll kif fil-qorti, ġiet trattata b’mod partikulari mingħand missierha, li għadda minn quddiemha mingħajr lanqas ħares lejha.
“Għal min qed jikteb ‘X’għaġeb’ taħt l-artikli u jipprova jnaqqas mill-ġrajja tiegħi – staqsu lilkom infuskom: x’messaġġ qed twasslu lil uliedkom? Li t-theddid u l-abbuż emozzjonali huma aċċettabbli jekk min jagħmilhom hu simpatiċi? Jaf jitkellem sew? Famuż?”
Is-sentenza ta’ ħtija kontra Haber qajmet ukoll diskussjoni fil-Partit Laburista, li qal lil MaltaToday li tkellem kemm mal-vittma kif ukoll mal-akkużat, u qed jittratta l-każ b’sensittività.
Haber diġa xellef difrejh mal-ġustizzja. Fl-2023, ġie ordnat iħallas €12,015, u l-kumpanija tiegħu, Haber 16 Ltd, kellha tħallas oħra €10,811 lill-kumpanija li kellha sehem fil-proġett tar-ristorant tiegħu.