Moviment Graffitti jwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-petizzjoni ta’ Manoel Island

Moviment Graffitti qal li l-petizzjoni biex Manoel Island issir park nazzjonali mhix ħolma imma realtà li tista’ tinkiseb

Moviment Graffitti wieġeb b’mod qawwi għall-kummenti riċenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-petizzjoni li titlob li Manoel Island tinbidel f’park nazzjonali, u qal li din mhux biss ħolma sabiħa, kif iddeskriva Grech, imma għan realistiku li jista’ jsir realtà.

L-NGO qalet li aktar minn 29,000 resident tal-gżejjer Maltin, madwar 50 organizzazzjoni, kif ukoll personalitajiet politiċi magħrufa, qed jappoġġjaw din l-inizjattiva biex Manoel Island tiġi rkuprata bħala spazju pubbliku għall-ġid komuni. “Nappellaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jagħmel ir-riċerka tiegħu u jifhem għaliex din il-kawża qed tirċievi daqstant sostenn,” qal il-moviment fi stqarrija.

Grech, f’kummenti mogħtija lit-Times of Malta, iddeskriva l-idea li Manoel Island issir park nazzjonali bħala “ħolma sabiħa”, iżda saħaq li l-istat għandu jżomm mal-obbligi tiegħu fil-kuntratt mal-iżviluppatur MIDI. Huwa qal li l-oppożizzjoni tisma’ l-vuċi ta’ kulħadd, mhux biss in-numri, u esprima l-ħtieġa li jitqiesu l-obbligi legali eżistenti.

Iżda Moviment Graffitti ma ħalliex dan jgħaddi bla risposta u rrimarka kif hu inkwetanti li l-Kap tal-Oppożizzjoni għad għandu bżonn jaqra petizzjoni li ilha żewġ xhur pubblika u li ma tgħoddx iżjed minn 350 kelma.

Il-moviment insista li l-gvern għandu jassigura li l-kuntratt jiġi onorat mhux billi jħalli lill-iżviluppatur jaġixxi bla kont, imma billi jintlaħaq ftehim ġdid li jkun l-aktar favorevoli għall-komunità.

Il-petizzjoni għal Manoel Island, li ngħalqet nhar il-Ħadd li għadda, ġabret total ta’ 29,041 firma – iktar minn 5% tal-popolazzjoni Maltija – f’dak li l-kampanjaturi qed jiddeskrivu bħala “mandat qawwi għall-azzjoni”.

L-appell tagħhom lill-Gvern huwa ċar: li Manoel Island terġa’ tiġi mogħtija lin-nies u ssir spazju miftuħ bħala park nazzjonali – għall-ġid tal-komunità kollha.

More in Socjali