Il-Park ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala kompla jissaħħaħ bħala ċentru ta’ attrazzjoni għal familji u tfal, hekk kif żewġ żoni sportivi ġodda ġew inawgurat bħala parti minn proġett ġdid minn Project Green. Dawn iż-żoni huma attrezzati b’tagħmir speċjalizzat biex jinkoraġġixxu attività fiżika fost it-tfal u l-adolexxenti, filwaqt li joffru ambjent sigur u divertenti għall-esplorazzjoni u l-eżerċizzju.
Il-proġett jinkludi circuits sportivi b’apparat bħal climbing nets, monkey bars, u ninja step plates, u huwa mfassal apposta biex jilqa’ tfal ta’ etajiet differenti. Żona waħda hija adattata għat-tfal bejn il-5 u 12-il sena, filwaqt li l-oħra hija ddedikata għal dawk ta’ 13-il sena ’l fuq. Kull biċċa tagħmir hija akkumpanjata minn tabelli ta’ informazzjoni dwar kif għandha tintuża b’mod sigur.
Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, żaret il-proġett flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u rrimarkat dwar l-importanza li jiġu investiti spazji miftuħa għall-komunità. “Dawn l-ispazji għandhom l-għan li joħolqu esperjenzi, memorji u avventuri,” qalet il-Ministru, filwaqt li faħħret l-isforz ta’ Project Green u semmiet ukoll il-ftuħ reċenti ta’ spazju simili f’Pembroke.
Il-Perit Chiara Darmanin minn Project Green spjegat li dan il-proġett mhux biss iħeġġeġ l-eżerċizzju, imma jsaħħaħ ukoll il-parteċipazzjoni diretta tan-nies fl-użu u l-ġestjoni tal-ispazji pubbliċi. “Bħal kull proġett ieħor li naħdmu fuqu, inżidu l-involviment tal-komunità mill-bidu sat-tmiem,” qalet Darmanin.
Is-Sindku ta’ Marsaskala, Mario Calleja, appella lill-komunità biex tapprezza u tuża dawn l-ispazji b’rispett. “Ninkoraġġixxu aktar żgħażagħ jiġu hawn f’dan il-park tal-familja u jieħdu gost mingħajr ma ssir ħsara,” saħaq is-Sindku.
Dan il-proġett ta’ Project Green huwa parti mill-viżjoni usa’ li tinkoraġġixxi stil ta’ ħajja attiv u b’saħħtu, filwaqt li tagħti valur miżjud lill-ispazji pubbliċi f’lokalitajiet differenti madwar Malta.