Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ħatar lil Johann Joseph Fenech bħala Assistent Kummissarju ġdid fil-Korp tal-Pulizija. F’din il-kariga, Fenech se jkun inkarigat mis-Sezzjoni tat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Immaniġġjar tad-Data – settur kruċjali għat-trasformazzjoni diġitali tal-Korp.
L-Assistent Kummissarju Fenech għandu karriera twila fil-Korp tal-Pulizija li bdiet fl-2004 meta ngħaqad bħala Spettur. Fl-2008 serva mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, u fl-2018 ġie promoss għal Supretendent fejn mexxa kemm l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji kif ukoll dik tad-Droga. Aktar reċentement, għal dawn l-aħħar erba’ snin, kien responsabbli mit-Taqsima tal-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.
F’kummenti tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li din il-ħatra tkompli ssaħħaħ ir-riforma kontinwa fil-Korp tal-Pulizija sabiex jingħata servizz aktar effiċjenti u sigur li jwieġeb għall-bżonnijiet taċ-ċittadin. Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-Korp mhux biss fit-tagħmir u t-taħriġ, iżda wkoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tiegħu.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, li kien preżenti għall-ħatra, qal li din hija pass ieħor lejn Korp aktar modern u professjonali. Huwa faħħar il-ħatra ta’ Fenech, li għandu Baċellerat fl-Istatistika u l-Informatika, bħala pass f’direzzjoni strateġika li se tħalli impatt pożittiv fuq il-ġestjoni u l-użu tad-data fil-Korp, partikolarment fid-dinja teknoloġikament avvanzata tal-lum.
Din il-ħatra hija parti mill-viżjoni usa’ tal-Korp tal-Pulizija li jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu fuq livell teknoloġiku u operattiv sabiex jindirizza b’mod aktar effettiv l-isfidi moderni fis-sigurtà pubblika.