Ftehim ġdid bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Malta Trust Foundation se jwitti t-triq għal inizjattivi edukattivi u terapewtiċi mmirati għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità. L-iskop ewlieni huwa li jintuża s-settur agrikolu bħala mezz biex jiġu żviluppati ħiliet, kunfidenza u indipendenza f’ambjent inklussiv u naturali.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru Anton Refalo u mill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca f’isem il-Fondazzjoni. Permezz tiegħu, il-Ministeru se jipprovdi riżorsi, għodod u gwida teknika biex jiġu żviluppati programmi speċjalizzati li jgħaqqdu l-agrikoltura mal-edukazzjoni u t-terapija.
“Dan il-ftehim juri mhux biss l-appoġġ tagħna lejn il-Fondazzjoni, iżda wkoll l-impenn tagħna biex nagħtu spinta lil inizjattivi li jistgħu jbiddlu l-ħajja tan-nies,” qal il-Ministru Refalo, waqt li faħħar il-ħidma kontinwa tal-Malta Trust Foundation taħt il-gwida ta’ Coleiro Preca.
Dar Saura se tinbidel f’Hub Nazzjonali ta’ Empowerment
Dar Saura, f’Rabat, li ġiet fdata lill-Fondazzjoni, se tinbidel f’National Empowerment Hub, spazju fejn se jitwettqu programmi ta’ taħriġ prattiku, terapija u kreattività. “Din hija l-ewwel ġebla li fuqha se nibnu Intrapriża Soċjali għal żgħażagħ b’diżabilità li jixtiequ jidħlu fid-dinja tal-agrikoltura,” qalet Coleiro Preca.
Il-programmi se jinkludu tagħlim fil-prattika, attivitajiet fil-beraħ u introduzzjoni għal tekniki agrikoli adattati. L-għan huwa li dawk li jipparteċipaw jitgħallmu jikkultivaw pjanti u ħxejjex, jiksbu ħiliet ġodda u jiżviluppaw kunfidenza fihom infushom permezz tax-xogħol f’ambjent sigur u appoġġjat.
Coleiro Preca qalet li l-Malta Trust Foundation temmen fil-kollaborazzjoni u se tibni koalizzjoni nazzjonali biex tfal u żgħażagħ b’diżabilità jingħataw dinjità u opportunitajiet ġodda.
Viżjoni għal Malta aktar Inklussiva
Il-ftehim jagħmel parti minn politika usa’ tal-Ministeru biex jintegra l-agrikoltura bħala għodda għall-inklużjoni soċjali. L-inizjattiva tirrifletti viżjoni għal Malta li mhux biss tipproduċi ikel, iżda wkoll ġid soċjali, billi tuża r-riżorsi agrikoli biex toħloq spazji għall-edukazzjoni, terapija u empowerment.
Dan il-pass huwa mistenni li jkun il-bidu ta’ mudell ta’ prattika inklussiva li jista’ jiġi estiż għal komunitajiet oħra madwar il-gżejjer.