Żona ta’ għawm estiża u miżuri ġodda għas-sostenibbiltà fil-Blue Lagoon

Żona akbar għall-għawm, kontroll fuq in-numru ta' viżitaturi, u tisħiħ tal-miżuri ambjentali huma fost il-passi meħuda minn Team Blue Lagoon

Iż-żona l-ġdida magħżula għall-għawm fil-Blue Lagoon (Ritratt: Awtorità Maltija għat-Turiżmu)
Iż-żona l-ġdida magħżula għall-għawm fil-Blue Lagoon (Ritratt: Awtorità Maltija għat-Turiżmu)

Il-qalba tal-Blue Lagoon se tkun riżervata esklussivament għall-għawwiema, flimkien ma' żewġ inlets qrib il-moll li wkoll ġew iddikjarati bħala żoni siguri għall-għawm. Din id-deċiżjoni hija parti minn sensiela ta’ miżuri li qed jittieħdu minn Team Blue Lagoon, taskforce tal-gvern magħmula biex jagħmel iż-żona aktar sostenibbli u sigura għall-pubbliku.

Il-qasam oriġinali tal-għawm se jespandi b’12% filwaqt li żewġ bajjiet iżgħar fuq ix-xellug tal-moll ġew inklużi bħala żoni ġodda ta’ għawm. Dawn l-inlets ġew magħluqa b’mod kontrollat biex jipprovdu ambjent aktar sigur għall-għawwiema u jnaqqsu r-riskji relatati mat-traffiku marittimu.

Apparti minn hekk, Team Blue Lagoon qed jippjana li jsaħħaħ is-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-vapuri. Dan se jgħin biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet li sikwit ikunu ta’ periklu kemm għall-għawwiema kif ukoll għall-operaturi kummerċjali.

Dawn l-inizjattivi jiffurmaw parti minn proġett ta’ sostenibbiltà li se jdum sentejn bil-għan li jagħmel il-Blue Lagoon iżjed nadif, sigur u pjaċevoli għall-viżitaturi. F’din l-istess inizjattiva, se jsiru titjib fis-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart, żieda fil-faċilitajiet sanitarji u tisħiħ tal-infurzar fuq il-post.

B’mod parallel, mil-1 ta’ Mejju ġie introdott sistema ġdida ta’ booking bla ħlas li tikkontrolla n-numru ta’ persuni li jistgħu jżuru l-Blue Lagoon f’daqqa. Is-sistema tippermetti massimu ta’ 4,000 viżitatur fl-istess ħin – kuntrast qawwi mal-fatt li fis-sajf tal-2024 kien hemm sa 12,000 ruħ fuq il-post fl-istess ħin.

Team Blue Lagoon sostna li dawn il-miżuri kollha huma essenzjali biex il-Blue Lagoon tibqa’ post naturali sabiħ u li joffri esperjenza li ma tintesiex lil kull min iżuru – illum u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

More in Socjali