Ħa ngħaddu għall-finali?

Miriana Conte ħa tkanta fis-semi finali llejla, x’ċans hemm li tgħaddi għall-finali?

Il-Prova ta' Miriana Conte f'Basel (Ritratt: Sarah Louise Bennett/EBU)
Il-Prova ta' Miriana Conte f'Basel (Ritratt: Sarah Louise Bennett/EBU)

Issa wasal il-mument ta’ Miriana Conte biex tiddi fuq il-palk il-Ħamis, fit-tieni semi-finali tal-Eurovision Song Contest.

Conte se tkun id-disa’ parteċipanta li toħroġ fuq il-palk f’Basel bil-kanzunetta tagħha Serving, b’ritmu ħaġġ u li diġa’ qajmet interess fost il-partitarji tal-Eurovision minħabba l-lirika provokattiva tagħha, li kellha tinbidel wara deċiżjoni tal-EBU f’Marzu.

Minn dak li deher fil-filmat u r-ritratti tal-provi tagħha fuq il-pjattaformi soċjali, il-blalen tal-gym li dehru fil-prestazzjoni tagħha fil-MESC għadhom se jidhru, kif ukoll il-catsuit ikonika u l-bidla fil-kostum.

Din id-darba żdidu par xofftejn ħomor kbar, ballun tad-disco, u l-kliem “DIVA NOT DOWN” li jidher fuq l-iskrin hekk kif Miriana tlesti l-prestazzjoni tagħha.

Is-semi-finali tal-Ħamis tibda fid-9pm u se tixxandar fuq TVM.

 

Imma x’ċans għandna li nirbħu din id-darba?

 

Snin wara Je Me Casse ta’ Destiny – li kien kkrea tama kbira fost il-Maltin hekk kif ikien imbassar post fil-aqwa tlieta – il-partitarji Maltin din is-sena jaf iħarsu lejn il-possibbiltajiet b’aktar kawtela.

Madankollu, jekk l-għan hu li Malta tasal għall-finali tal-Eurovision, hemm raġuni biex wieħed ikun ottimist. Skont il-bookmakers, Conte għandha 89% ċans li tikkwalifika.

Pero biex tirbaħ il-festival, xorta hija diffiċli ħafna. Bħalissa għandha biss ċans ta’ 1% li tieħu l-ewwel post, għalkemm l-istħarriġ qed ibassar li tista’ tispiċċa fl-għaxar post.

Fuq quddiem nett, bħalissa hemm l-Iżvezja b’Bara bada bastu, ommàġġ vibranti għall-kultura tas-sauna Finlandiża. Warajhom hemm l-Awstrija b’Wasted Love, li bħalissa qed jitqies bħala l-aktar kandidat probabbli għat-tieni post.

More in Socjali