Inqas inċidenti u feruti, iżda aktar mejta fit-toroq fl-ewwel tliet xhur tal-2025

Għalkemm l-inċidenti tat-traffiku u l-feruti naqsu fl-ewwel kwart tal-2025 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, żdiedu l-imwiet fuq it-toroq – b’erba’ persuni jitilfu ħajjithom f’inċidenti relatati mat-traffiku.

Mill-arkivji
Mill-arkivji

Malta qed tirreġistra tnaqqis fl-inċidenti tat-traffiku u n-numru ta’ feruti, iżda t-toroq jibqgħu fatali għal wħud, hekk kif fl-ewwel tliet xhur tal-2025 mietu erba’ persuni fi traġedji fit-toroq – tlieta aktar minn fl-istess perjodu fl-2024.

Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), bejn Jannar u Marzu 2025 ġew irrappurtati 3,468 inċident tat-traffiku – tnaqqis ta’ 9% fuq is-sena ta’ qabel. Id-distrett tan-Northern Harbour irreġistra l-ogħla numru ta’ każi b’1,178 inċident, jiġifieri 34% tat-total nazzjonali.

Il-feruti minn dawn l-inċidenti naqsu bi kważi 12%, b’total ta’ 297 vittma. Minn dawn, 78 ġew milquta b’mod gravi – 42 sewwieq, 13-il passiġġier, u 23 persuna oħra inklużi pedoni u ċiklisti. L-erba’ fatalitajiet kienu tliet sewwieqa rġiel u pedon mara – it-tliet sewwieqa tilfu ħajjithom wara li ħabtu ma’ bini, filwaqt li l-mara nqatlet wara li ntlaqtet minn karozza.

L-irġiel jiffurmaw madwar 70% tal-feruti gravi, u l-grupp l-aktar milqut hu dak ta’ bejn il-26 u l-40 sena, li jirrappreżenta 33.7% tal-każi.

Karozzi privati kienu l-aktar involuti f’inċidenti li wasslu għal feriti (51.9%), segwiti minn muturi (31.6%) u vetturi tal-merkanzija (8.1%). Sitta kienu ċiklisti, b’tlieta minnhom jsofru ġrieħi gravi u tlieta oħra ġrieħi ħfief.

Ħabta bejn vetturi kienet il-kawża ewlenija ta’ 65% tal-inċidenti bi vittmi, u l-ġurnata l-aktar li fiha seħħew ġrieħi kienet il-Tnejn b’59 każ. Il-Ġimgħa rreġistrat l-ogħla numru ta’ inċidenti totali b’564.

Mill-banda l-oħra, l-aktar ħinijiet perikolużi għal inċidenti kienu bejn id-9 ta’ filgħodu u nofsinhar, segwiti minn 3pm sa 6pm, filwaqt li l-aktar siegħat siguri kienu dawk bejn it-3am u s-6am, meta ġew irrappurtati biss 53 każi.

More in Socjali