Limitu ta’ 4,000 persuna fil-Blue Lagoon

Mill-1 ta’ Mejju, dawk li jixtiequ jżuru l-Blue Lagoon se jkollhom jibbukkjaw minn qabel permezz ta’ sistema online ġdida, hekk kif l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu timponi limitu ta’ 4,000 viżitatur biex tiġi mħarsa aħjar din iż-żona naturali popolari

 

Minn nhar il-Ħamis, 1 ta’ Mejju, dawk li jixtiequ jżuru l-Blue Lagoon se jkollhom jagħmlu booking minn qabel permezz ta’ sistema online ġdida mnedija mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA). Din il-miżura se tnaqqas drastikament in-numru ta’ nies permessi f’dan is-sit naturali ikoniku, fejn minn 12,000 persuna fis-sajf li għadda, issa mhux se jitħallew aktar minn 4,000 ruħ fl-istess ħin.

Is-sistema ta’ prenotazzjoni, li tinsab fuq bluelagooncomino.mt, hija obbligatorja kemm għal dawk li jaslu permezz ta’ dgħajjes privati kif ukoll għal dawk li jużaw servizzi kummerċjali. Il-viżitaturi jkunu jistgħu jagħżlu wieħed minn tliet slots kuljum: 8am–1pm, 1:30pm–5:30pm, jew 6pm–10pm.

Biex tikkonferma l-booking, wieħed irid jipprovdi xi dettalji personali bażiċi u indirizz elettroniku. Wara, is-sistema toħloq QR code li jrid jiġi muri mal-wasla fil-post, kemm minn naħa tal-kosta kif ukoll minn naħa tal-art. Il-viżitaturi jingħataw ukoll bracelet kulur differenti skont il-ħin li prenotaw.

Skont l-MTA, viżitaturi li jidħlu fil-Blue Lagoon mingħajr booking jistgħu jiġu mmultati, għalkemm, fil-ġimgħat inizjali, uffiċjali se jkunu fuq il-post biex jiggwidaw lil min għadu mhux familjari mas-sistema.

Dan il-pass jagħmel parti mill-ewwel fażi tal-proġett Team Blue Lagoon, li jinkludi wkoll lill-Ministeri tat-Turiżmu u ta’ Għawdex, Transport Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-Pulizija, LESA u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Filwaqt li s-sistema tal-booking hi l-ewwel miżura li tidħol fis-seħħ, f’din l-ewwel fażi li tibda fis-sajf 2025 se jsiru wkoll diversi titjibiet oħra fosthom żoni estiżi u aktar siguri għall-għawm, ġestjoni aħjar tal-iskart, aktar toilets u tisħiħ tal-infurzar.

L-MTA flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu se jniedu wkoll konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati dwar miżuri fit-tul għall-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tal-Blue Lagoon, li mistennija jkunu kollha fis-seħħ sas-sajf tal-2026.

More in Socjali